Wednesday, March 27, 2024

Fl-aħħar ħames snin żdiedu b’25% l-ammont ta’ persuni b’diżabilità li daħlu fis-suq tax-xogħol

Aqra wkoll

Fl-aħħar ħames snin, l-ammont ta’ persuni b’diżabilità li daħlu jaħdmu fis-suq tax-xogħol żdiedu b’25%. 

Dan kien żvelat mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli li waqt programm televiżiv fuq ONE spjegat kif sa Novembru li għadda kien hemm 4,391 persuna b’diżabilità li għandhom impjieg. 

Dan ifisser li l-ammont ta’ persuni b’diżabilità li jaħdmu żdied b’419-il persuna mis-sena ta’ qabel. Din tfisser żieda ta’ 11% mis-sena ta’ qabel u 25% minn ħames snin ilu. 

Dan kollu seħħ minkejja li pajjiżna, flimkien mal-kumplament tad-dinja, għaddej minn pandemija u allura hemm ċerti sfidi li qegħdin jiffaċċjaw ċerta setturi, fosthom anke l-persuni b’diżabilità li huma fost dawk l-aktar vulnerabbli. 

Dawn ir-riżultati ma kinux l-uniċi li rnexxielu jikseb pajjiżna fil-qasam tad-diżabilità. Fil-fatt, statistika tal-2019 tal-Eurostat kienet poġġiet lil Malta fost l-inqas żewġ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fejn persuni b’diżabilità jesperjenzaw rata għolja ta’ piż finanzjarju minħabba l-ispiża tal-akkomodazzjoni. 

Dan mhux b’kumbinazzjoni, peress li Malta hi fost dawk il-ftit pajjiżi fejn meta persuna b’diżabilità ssib xogħol, din xorta tibqa’ tieħu l-benefiċċju tad-diżabilità. 

Flimkien ma’ dawn l-inċentivi, il-Gvern qiegħed ukoll jassisti lill-persuni b’diżabilità biex ikunu dejjem aktar indipendenti permezz ta’ skemi bħan-New Hope, fejn persuni b’diżabilità jew inkella li jkunu sofrew minn xi mard u jkunu jridu jsiru sidien ta’ darhom, ikollhom iċ-ċans li jieħdu s-self mill-bank billi jidħol garanti għalihom il-Gvern Malti. 

Dwar dan, IT-TORĊA talbet il-kumment tal-Ministru Julia Farrugia Portelli li stqarret kif bil-fatti, dan il-Gvern jemmen u jinvesti fil-persuni b’diżabilità. Spjegat kif din is-sena l-Gvern qed jagħmel l-akbar investiment fil-baġit għal dan is-settur billi alloka €50 miljun, filwaqt li qed ikompli jgħin lill-persuni b’diżabilità biex ikunu aktar indipendenti u narawhom aktar fid-dinja tax-xogħol.  Dan billi anke jipprovdilhom servizzi ta’ inklużjoni fil-komunità. 

Ekonomija

Sport