Wednesday, April 24, 2024

German Masters: Zhao Xintong fi klassi għalih

Aqra wkoll

Iċ-champion tal-UK Championship, Zhao Xintong, ipproduċa wirja ispi­rata biex għeleb lil Judd Trump għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu, meta ħallih iħares meta rebaħlu bl-iskor deċiżiv ta’ 5-1 fil-kwarti-finali tal-German Masters li qed isir fit-Tempodrom ta’ Berlin.

L-uniċi laqgħat preċedenti bejn il-koppja ġew fl-English Open 2018 u fiċ-Cham­pionship League 2020, bi Trump jieħu l-aħjar miż-żewġ konfronti. Ir-rebħa tal-Ġimgħa fuq Trump tara lil Zhao jagħmel is-semi-finali ta’ tournament ranking għat- tielet darba.

Iċ-Ċiniż Zhao esperjenza żieda mgħaġ­ġla lejn il-quċċata tal-isport dan l-istaġun. Erba’ snin ilu kien ġie relegat miċ-ċirkwit u sfurzat jerġa’ jikseb postu permezz tal-Q School 2018.

Zhao kien diġà qed juri sinjali tal-aqwa forma tiegħu din il-ġimgħa wara li għeleb lil Mark Williams 5-3 u lil Tom Ford 5-1. Breaks ta’ 57, 57, 59, 58, 52 u 84 raw lis-Cyclone jħaffef lejn ir-rebħa kontra Trump u jasal għas-semi-finali ta’ mejda waħda, fejn iltaqa’ kontra Ricky Walden li għeleb lil Kyren Wilson 5-1 bi breaks ta’ 60, 61, 74, 63 u 69 fi triqtu lejn ir-rebħa.

Mark Allen wasal fl-aħħar erbgħa tat-tournament għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu b’rebħa b’whitewash, 5-0, fuq lċ-Ċiniż Fan Zhengyi, li kien qed jikkompeti fil-kwarti-finali ta’ tournament ranking għall-ewwel darba.

Il-Pistol kien ġarrab sensiela orribbli ta’ riżultati f’Berlin, wara li qabel ma rebaħx logħba fit-Tempodrom sa mill-2015. Madankollu, rebħiet fuq Lyu Haotian, Shaun Murphy u issa Fan pattew għal dan.

Allen għamel breaks ta’ 86, 59, 69, 52 u 68 u fis-semi-finali tal-bieraħ iffaċċja lil Yan Bingtao.

Yan iltaqa’ kontra Ryan Day u għelbu 5-4 wara li kien 4-3 minn taħt meta breaks ta’ 52, 81 u 53 għenuh jaqbeż il-linja tat-tmiem b’Day jipproduċi erbgħa ta’ 59, 71, 64 u 61. 

IT-TIENI ROUND

Nhar il-Ġimgħa wara nofs in-nhar int­lagħbu l-aħħar erba’ logħbiet mit-tieni round fejn Yan kien involut f’logħba oħra li marret sal-aħħar meta għeleb lil Mark Selby 5-4, wara li kien 4-2 minn taħt biex temm it-tamiet taċ-champion tad-dinja li jikkwalifika għall-Players Championship li ġej.

Selby kellu bżonn jagħmel progress biex jibqa’ biċ-ċans għal post fl-avveniment li se jsir f’Wolverhampton għall-ewwel darba, li huwa riservat għall-aqwa 16-il player fil-lista ta’ sena ta’ dan l-istaġun. Bħalissa huwa jinsab fit-18-il post.

Yan ipproduċa break kuraġġuż ta’ 95 biex baqa’ fil-logħba meta għamilhom 4-3. Imbagħad ġibed clearance mill-kannella għar-roża, li kienet tinkludi żewġ doppjetti, biex instiga l-frame deċiżiv.

Kien Selby li deher lest għar-rebħa meta llidja 47-0. Madankollu, involontarjament laqat ħamra waqt li daħal fil-pakkett minn fuq il-blu. Yan irrisponda bi break ta’ 69 biex kiseb ir-rebħa. 

Day għeleb lil Sam Craigie 5-1 fejn inkluda erba’ breaks ta’ 51, 50, 102 u 59 waqt li Craigie għamel 95 punt biss u f’erba’ frames ma ppottjax punt.

Allen għeleb lill-ħabib tiegħu Shaun Murphy 5-3 f’konfront ieħor pjaċevoli, li ġie mirbuħ fit-tmien frame fuq is-sewda.

It-telfa għal Murphy ttemm ukoll it- tamiet tiegħu li jikkwalifika għall-Players Championship, filwaqt li Allen baqa’ jagħmel progress.

Fan Zhengyi għadda għall-ewwel kwarti-finali tal-karriera tiegħu grazzi għar-reb­ħa 5-3 fuq Andrew Higginson li fiha għamel ħames breaks ta’ 57, 60, 71, 104 u 78 b’Higginson jagħmel wieħed ta’ 85.

Allen għamel breaks ta’ 118, 116 u 99 fi triqtu biex jistabbilixxi vantaġġ ta’ 4-2. Madankollu, break ta’ 85 ra lil Murphy jieħu s-seba’ frame u jibqa’ fil-logħba. Huwa għamel oħrajn ta’ 58, 63 u 63.

Murphy deher li kien f’pożizzjoni li jdaħħal il-logħba fil-frame deċiżiv qabel ma waqaf fuq break ta’ 63. Allen eventwalment ikklerja għas-sewda u kiseb ir-rebħa.

Sport