Saturday, May 4, 2024

Fl-Ekwador se jkun mandatorju li wieħed jitlaqqam

Aqra wkoll

L-Ekwador ħabbar li l-vaċċin tal-Covid-19 se jkun qiegħed isir mandatorju għall-maġġoranza taċ-ċittadini, miżura li l-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li hija essenzjali biex jikkontrollaw iż-żieda fin-numru ta’ infezzjonijiet ikkawżati mill-varjant Omicron.

Il-Ministru tas-Saħħa qal li l-pajjiż għandu biżżejjed dożi biex ilaqqam lill-popolazzjoni kollha. B’din il-liġi dawk li għandhom minn ħames snin ‘l fuq se jkunu qed jiġu obbligati li jitlaqqmu. Il-Ministru tenna li dawk li għal raġunijiet mediċi ma jkunux jistgħu jieħdu t-tilqima se jkunu qed jiġu eżentati.

S’issa ġewwa l-Ekwador 77.2% minn dawk eleġibbli ħadu ż-żewġ dożi tal-vaċċin, u iktar minn 900,000 irċevew il-booster. Il-Mininistru tas-Saħħa qal li t-tilqim huwa importanti hekk kif dan iservi ta’ tarka għal kontra l-virus, u jipprevjeni milli persuni jkollhom jidħlu l-isptar.

L-awtoritajiet tal-pajjiż qalu li d-deċiżjoni meħuda hija skont il-kostituzzjoni tal-pajjiż hekk kif din tgħid illi d-dritt tas-saħħa jrid ikun iggarantit mill-istat. L-Awstrija u l-Ġermanja huma wħud minn dawk li qed jippjanaw deċiżjonijiet simili. L-Ekwador kien diġà għamilha obbligatorja li wieħed irid jippreżenta ċ-ċertifikat tal-vaċċin biex ikun jista’ jidħol f’restornat, ċinema, teatri u ċentri ta’ xiri.

Sport