Friday, November 15, 2024

Fl-ewwel disa’ xhur tas-sena żdiedu b’aktar minn tliet darbiet il-wasliet tal-cruise liners

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, it-total ta’ passiġġieri li waslu Malta bil-cruise liners kienu jammontaw għal 386,018. Minn dawn, 59.5% kienu ġejjin minn stati membri tal-Unjoni Ewropea.

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) turi li bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, ġew f’pajjiżna 222 cruise liner, li bħala medja kull bastiment ġarr 1,739 passiġġier. Dan kien ifisser żieda sostanzjali meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, meta kienu waslu 72 cruise liner.

L-istatistika turi wkoll li t-total ta’ passiġġieri tal-cruise liners fit-tielet kwart ta’ din is-sena kienu jammontaw għal 223,480. Bejn Lulju u Settembru daħlu Malta 97 cruise liner, li jfisser żieda ta’ 53 cruise liner meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

Bħala medja kull bastiment li daħal Malta ġarr 2,304 passiġġiera li jfisser 815 aktar meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2021. Is-swieq ewlenin li minnhom waslu l-passiġġieri kienu l-Italja segwiti mill-Ġermanja.

L-ammont ta’ passiġġieri ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE kienu 80,615, li 56.7% minnhom kienu ċittadini mir-Renju Unit u 22.1% mill-Istati Uniti.

Fuq bażi ta’ ġeneru, in-nisa kienu l-aktar li ġew Malta bil-cruise liners (53%). Dan filwaqt li l-akbar għadd ta’ passiġġieri kellhom bejn 40 u 59 sena.

Ekonomija

Sport