Sunday, December 22, 2024

Fl-Istati Uniti: Raġel dikjarat innoċenti wara 42 sena fil-ħabs

Aqra wkoll

Raġel minn Missouri fl-Istati Uniti li nstab ħati inġustament ta’ qtil triplu fl-1978 u li nżamm il-ħabs għal aktar minn 42 sena ġie eżonerat u nħeles mill-ħabs. 

Ir-raġel involut, Kevin Strickland li llum għandu 62, sena kien baqa jsostni l-innoċenza tiegħu sa minn meta kien arrestat fl-età ta’ 18-il sena. Huwa kien ikkundannat f’Ġunju 1979.

Wara li nħeles, Strickland qal barra l-qorti: “Ma kontx naħseb li dan il-jum kien se jasal.” 

Kienet l-itwal priġunerija inġusta fl-istorja tal-istat ta’ Missouri, iżda taħt il-liġi ta’ Missouri huwa improbabbli li jirċievi xi forma ta’ kumpens finanzjarju. Skont dejta mir-Reġistru Nazzjonali tal-Eżonerazzjonijiet, il-kundanna ta’ Strickland kienet is-seba’ l-itwal sentenza ħażina rikonoxxuta fl-Istati Uniti.

Imħallef nhar it-Tlieta li għadda ordna l-ħelsien immedjat ta’ Kevin Strickland mill-kustodja tal-istat, wara 15,487 jum fil-ħabs. L-avukati tal-Midwest Innocence Project, li ħadmu għal xhur sħaħ biex jgħinu lil Strickland jinħeles, qalu li kienu “estatiċi” dwar l-aħbar. 

“Konna kunfidenti li kwalunkwe imħallef li ra l-evidenza jsib li Kevin Strickland huwa innoċenti u dan huwa eżattament dak li ġara,” qalet id-direttur legali tal-Proġett Midwest Innocence Tricia Rojo Bushnell fi stqarrija.

Żiedet tgħid li “Xejn mhu se jagħtih lura it-43 sena li tilef u se jirritorna d-dar fi stat li mhux se jħallaslu ċenteżmu għaż-żmien li serqlu. Dik mhix ġustizzja”.

Skont il-Midwest Innocence Project, l-istat ta’ Missouri jikkumpensa biss lill-priġunieri eżonerati permezz ta’ evidenza tad-DNA mhux fuq dak li jkunu xehdu x-xhieda. 

Kevin Strickland kien ikkundannat għomor il-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ libertà kundizzjonata għal 50 sena wara li allegatament kien marbut mal-qerda fatali ta’ dar f’Kansas City fil-25 ta’ April 1978.

Dak il-lejl, erba’ aggressuri sparaw fuq tliet persuni ġewwa d-dar tagħhom. Ir-raba’ vittma – tfajla ta’ 20 sena – ħarbet bi ġrieħi wara li ppużat bħala mejta. Il-pulizija kienet arrestat lil Strickland u allegatament ippressat lit-tfajla biex tipponta lejn Strickland waqte il-line-up. 

Kevin Strickland kien sostna l-innoċenza tiegħu u qal lill-pulizija li dak il-ħin huwa kien id-dar jara t-televiżjoni. L-ebda evidenza fiżika qatt ma rabtitu mar-reati msemmija.

Ekonomija

Sport