Friday, April 26, 2024

FLIMKIEN, GĦAX MALTA L-EWWEL U QABEL KOLLOX

Aqra wkoll

Qed ngħixu fi żmien bla preċedent. Żmien fejn pajjiżna kellu jiġġieled l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija COVID-19. Żmien fejn pajjiżna qed jintlaqat direttament u indirettament mil-kriżi Russo-Ukrena. Żmien fejn pajjiżna qed jiżviluppa, jevolvi u jiġġenera ruħu biex jibqa’ jkun protagonist illum u wisq aktar għada. Żmien fejn int u jien imsejħin biex fis-26 ta’ Marzu niddeterminaw id-destin ta’ pajjiżna għall-ħames snin li ġejjin. Biex fl-elezzjoni li jmiss il-poplu Malti għandu għażla u ċans ieħor li jerġa’ jwarrab l-interessi personali u jpoġġi fuq quddiem l-interess tal-pajjiż u jagħżel il-Partit Laburista biex ikompli jibni l-Malta t’għada.

Għaldaqstant, f’dan il-mument tant important għal pajjiżna. F’dan il-mument tant kruċjali għal Malta, niftakar fl-għajta tal-mibki Duminku Mintoff ta’ “Malta l-ewwel u qabel kollox.” F’dan il-mument ukoll nisħaq fuq kliemu li min ser imexxi pajjiżna fil-ħames snin li ġejjin, għandu jikkometti ruħu li ser jimxi bl-onestà. 

Dak kollu illi sar ma jkollux saħħa u ma jkollux sens jekk l-Partit Laburista ma jingħatax il-mandat fis-26 ta’ Marzu biex ikompli fejn ħalla” 

Iwiegħed li ser jimxi fuq it-twemmin tal-ħniena lejn il-fqir, tal-ħniena lejn il-magħdur. Fuq kollox għandu jtenni u jisħaq f’kull deċiżjoni meħuda li Malta tiġi qabel kollox. U biex jintlaħaq dak li hu mistenni, irridu nimxu dan il-vjaġġ flimkien. Biex dan jitwettaq, il-poplu Malti għandu għażla waħda – li jerġa’ jafda t-tmun ta’ pajjiżna f’idejn il-Partit Laburista. Il-Partit li grazzi għall-prinċipji tiegħu, grazzi għall-għeruq tiegħu, grazzi għall-istorja tiegħu u fuq kollox grazzi għal dak li wettaq tul dawn l-aħħar snin, qiegħed f’pożizzjoni li jista’ jmexxi l-pajjiżna fis-snin li ġejjin. 

Gvern Laburista li wera l-kapaċitajiet tiegħu bil-provi. F’sena ta’ pandemija Gvern Laburista investa biljun ewro f’nefqa soċjali. L-akbar nefqa li qatt kellu pajjiżna. Tassew, matul il-pandemija rajna li għal budget wieħed kien hemm tlieta, kull darba b’miżuri aktar b’saħħithom. Miżuri li fl-aħħar mill-aħħar salvaw eluf ta’ impjiegi, u l-għixien ta’ eluf ta’ familji

Gvern Laburista li wera l-kapaċitajiet tiegħu billi introduċa skemi importanti, bħall-iskema tal-First Time Buyers, il-vouchers lill-istudenti f’istituzzjonijiet post-sekondarji li jistgħu jissarfu f’internet b’xejn u anke l-InWork Benefit fejn koppji u ġenituri waħedhom jingħataw ammonti ta’ flus sinifikanti li jgħinuhom bil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.  Kien Gvern Laburista ukoll, li wara deċenji sħaħ laħaq qbil mal-imsieħba soċjali biex tiżdied il-paga minima f’Malta. Però, il-paga minima ma żżidhiex darba u daqshekk; kien għalhekk li Gvern Laburista waqqaf il-Kummissjoni għall-Paga Minimali xogħolha hu li taġġusta l-paga minima minn żmien għal żmien.  Ma nistax ma nsemmix ukoll li fil-budget tas-sena 2022, rajna miżura li tfisser li l-kejl tal-COLA għal persuni vulnerabbli ser ikun qiegħed jiġi rivedut. Dan għaliex kemm l-għoli tal-ħajja, imma wkoll il-prodotti u n-neċessitajiet ta’ żmien ilu, m’għadhomx l-istess bħalma huma llum. Bħalma spjegajt, irridu naraw allura li s-sistemi eżistenti li hemm jiġu aġġornati minn żmien għal żmien, u dak huwa preċiżament dak li qed jagħmel dan il-Gvern bil-fatti. 

Gvern Laburista li introduca ħemel ta’ riformi li saru fosthom dawk fil-qasam finanzjarju ta’ pajjiżna. Gvern Laburista li ggarantixxa s-serħan il-moħħ fis-settur tal-enerġija permezz ta’ €500 miljun skorruti li ngħataw lin-nies fi traħħis ta’ kontijiet tal-enerġija.

Gvern Laburista li wera l-kapaċitajiet tiegħu permezz ta’ viżjoni soċjali, ekonomika u kuturali fit-tul. Viżjoni li ġiet imsarrfa fl-istrateġija ekpnomika għal pajjiżna għall-għaxar snin li ġejjin. Viżjoni l-ssarfet fil-100 idea proposti mill-Partit Laburista. Viżjoni li ssarrfet f’Budget 2022. Budget b’viżjoni ċara, Budget li jirrifletti l-ħtiġijiet u l-ambizzjonijiet tan-nies li niltaqa’ magħhom kuljum. Budget għal Malta li rridu ngħixu fiha llum u wisq aktar, għal-Malta li uliedna jsibuha b’saħħitha biex pajjiżna jkompli jikber u jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. Fuq kollox budget li joħloq bilanċ bejn l-bżonn ta’ ekonomija b’saħħitha ispirata mill-ekonomija l-ħadra, s-settur diġitali u tal-innovazzjoni u l-ħtigijiet soċjali tal-poplu Malti.

Dak kollu illi sar ma jkollux saħħa u ma jkollux sens jekk l-Partit Laburista ma jingħatax l-mandat fis-26 ta’ Marzu bien ikompli fejn ħalla. Dan kollu ma jkollux skop jekk aħna ma naħdmux flimkien biex verament Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox. 

Jien fir-rwol tiegħi bħala ċittadin Malti, bħala missier, bħala imprenditur u fuq kollox, bħala politiku, qed naħdem qatigħ biex nilħqu dan l-objettiv. Qed naħdem  biex int u jien, flimkien tassew nistgħu nagħmlu differenza fil-preżent u l-futur ta’ pajjiżna. Qed naħdem biex dak li smajt minn kull wieħed u waħda minnkom tul il-vjaġġ politiku tiegħi, tul il-laqgħat kontinwi magħkom, matul l-inizjattivi li ħadt u tul iż-żjarat fid-djar, verament jiġi rifless u mwettaq fil-pjan li ghandu l-Partit Laburista għal pajjiżna wara s-26 ta’ Marzu.

F’dan il-mument tant important għal pajjiżna, niftakar fl-għajta tal-mibki Duminku Mintoff ta’ “Malta l-ewwel u qabel kollox.”

Sport