Monday, May 6, 2024

Malta f’ħidma diplomatika fil-kwiet biex ma teskalax is-sitwazzjoni fil-Libja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru Evarist Bartolo qal lil Talk.mt li fl-aħħar 10 t’ijiem kien involut f’ħafna xogħol diplomatiku bil-kwiet dwar is-sitwazzjoni mwiegħra fil-Libja fejn hemm il-periklu li jerġa’ jfaqqa’ l-ġlied.  Kienu jiem ta’ taħditiet twal u bla waqfien tul l-24 siegħa tal-ġurnata  man-Nazzjonijiet Magħquda, mal-Istati Uniti, mal-Italja, ma’ Franza, mar-Renju Unit, mal-Ġermanja biex ikun skansat  aktar ġlied imdemmi fil-pajjiż ġar tagħna fl-Afrika ta’ Fuq. L-interventi f’waqthom ta’ dawn id-diplomatiċi wasslu biex ma jeskalawx attakki militari fil-kapitali Libjana.

 “Ħdimt ma’ Ministri u diplomatici min-Nazzjonijiet Maghquda, mil-Libja, mill-Italja, mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, minn Franza u mill-Ġermanja biex jiġi evitat l-inkwiet. Din kienet ħidma diplomatika qawwija li bdiet waqt laqgħa li kelli Brussel il-ġimgħa l-oħra dwar il-gwerra fl-Ukrajna b’kuntatti mal-Ministru Taljan Luigi di Maio u mal-Ministru tar-Renju Unit Liz Truss. Imbagħad kienet kordinata ma’ Franza, l-Istati Uniti u l-Ġermanja. Il-ħidma tat il-frott mixtieq.”

Il-Ministru Bartolo qal li fil-Libja reġgħet inħolqot sitwazzjoni ta’ żewġ gvernijiet: wieħed immexxi minn Abdul Dbeibah, il-Prim Ministru ‘interim’ tal-Libja li nhatar sena ilu u gvern ieħor ftit jiem ilu mmexxi minn Fathi Bashaga.  

 “Ħadd minnhom ma jrid iċedi u ma jridux jaħdmu flimkien.”

Fl-4 ta’ Marzu kien hemm tħassib serju li se jinqala’ ġlied fi Tripli għax Bashaga kien dieħel Tripli biex jaqla’  ’l barra l-gvern ta’ Dbeibah li ma kienx lest iwarrab. Dan qed  jgħid li għandu dritt joqgħod mill-inqas sa Ġunju 2022 meta jistgħu jsiru l-elezzjonijiet li kellhom isiru f’Diċembru li għadda. 

 “Ma nqalax ġlied għax Bashaga ma daħalx Tripli.” 

Il-Ministru Bartolo qal li l-ġlied kien se jerġa’ jfaqqa’ l-Ħamis filgħaxija 10 ta’ Marzu. 

 “Wasalli tagħrif li Bashaga kien dieħel b’konvoj ta’ 300 vettura Tripli biex jieħu l-bini governattiv okkupat mill-gvern ta’ Dbeibah. Erġajt ħdimt ma’ diplomatiċi mill-Istati Uniti, l-Italja, Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit u din id-darba mat-Turkija wkoll biex nerġgħu nevitaw il-ġlied. 

Il-ħidma tat frott u ġlied ma nqalax għax Bashaga ma daħalx.”

Il-Ministru Bartolo qal li dan huwa mument delikat fil-Libja u trid issir ħidma biex dawk li bħalissa huma kontra xulxin isibu mod kif jaħdmu flimkien u jwasslu lil-Libja biex ikollha l-istabilità biex il-poplu Libjan jerġa’ jieħu r-ruħ. 

Sport