Wednesday, April 15, 2026

“Flimkien infasslu r-rotta li jrid jieħu pajjiżna fis-snin li ġejjin”

- Dr Alex Agius Saliba

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt business breakfast organizzat mill-Partit Laburista bħala parti mill-Kungress 2026 bit-tema Malta Aqwa – Ikteb il-Kapitlu li Jmiss, id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Dr Alex Agius Saliba stqarr li ninsabu hawn biex flimkien infasslu r-rotta li jrid jieħu pajjiżna fis-snin li ġejjin. “Dejjem emmint fil-valur tal-kelma ‘flimkien’. Hi l-qofol tal-messaġġ ta’ dan il-Kungress li għaddej bħalissa. Jekk hemm fattur wieħed li jispjega s-suċċess li għamel il-PL matul dawn l-aħħar 13-il sena huwa l-fatt li dejjem qisna u tajna prijorità għall-ħtiġijiet ta’ kull membru tas-soċjetà, hu min hu. Għalina ħadd mhu numru,” qal Dr Agius Saliba.

Dwar il-qalba diġitali u l-investiment, huwa spjega li dan il-Gvern qiegħed jaħseb biex jagħti aktar opportunitajiet. Qal ukoll li rridu niffokaw fuq il-kwalità mhux biss fl-ekonomija iżda fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull wieħed u waħda minna. “Biex nilħqu dawn l-għanijiet jeħtieġ li nkomplu nwettqu politika bbażata fuq il-kunsens. Id-djalogu soċjali hu mezz ewlieni biex niksbu l-aktar kunsens wiesgħa,” tenna d-Deputat Mexxej tal-PL.

Huwa saħaq li l-esperjenzi tiegħu bħala MEP tul dawn l-aħħar snin għallmuh kemm id-djalogu huwa element importanti u kemm il-kunsens huwa element importanti biex fl-aħħar mill-aħħar inkunu nistgħu nġibu l-aqwa riżultati.
Dr Agius Saliba temm jgħid: “Irrid nara l-Partit Laburista jkompli jiġġedded u jkompli jkun il-partit li jirrappreżenta lil kulħadd.

Partit li jkompli jilħaq l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ kemm fid-dinja tax-xogħol kif ukoll fil-ħajja personali tagħhom. Fuq kollox niżguraw li l-ebda faxxa tas-soċjetà ma titħalla taqa’ lura u naħdmu iżjed biex il-ġid ikompli jitqassmu b’mod ġust u ekwu bejn kulħadd.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport