Sunday, December 22, 2024

FLIMKIEN INSAĦĦU LIL MALTA PAJJIŻNA

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li għaddew kelli l-privileġġ kbir li flimkien mal-ħbieb tiegħi Dr Ramona Attard, l-Onor Rebecca Buttigieg, l-Onor Chris Bonett u l-Prim Ministru Dr Robert Abela nindirizza folla mdaqqsa ta’ Laburisti ġewwa Ħaż Żabbar. Kienet okkażjoni li fiha stajt naqsam ħsibijieti fuq xi tfisser għalija li npoġġi lili nnifsi quddiem l-elettorat Malti bil-ħsieb li jekk ikollu pjaċir bija, jagħżilni biex nirrappreżentah fil-Parlament Ewropew.

Żewġ temi prinċipali spikkaw waqt din il-laqgħa tal-massa li l-elettorat jagħmel sew li jixtarr u jiżen qabel jasal iż-żmien biex jagħti l-ġudizzju tiegħu. Dawn kienu l-kisbiet li għamel il-poplu Malti u Għawdxi bis-saħħa tal-Partit Laburista u l-politika soċjalista tiegħu u ż-żamma tan-newtralita’ ta’ pajjiżna.

Bis-saħħa tal-ħidma siewja u d-determinazzjoni tal-Partit Laburista, li sa mit-twaqqif tiegħu, ‘l fuq minn mitt sena ilu, stinka biex jgħin lill-ħaddiem u l-batut, daħħal u saħħaħ il-ġustizzja soċjali ġewwa pajjiżna, ħoloq mobbilita’ soċjali u ħadem għall-interess tan-nies mingħajr distinzjoni ta’ kulur jew klassi. Ma kienx biżżejjed li fi snin ħamsin ta bidu għal Welfare State bil-ħolqien ta’ għadd kbir ta’ għajnuniet soċjali fosthom il-pensjonijiet u aktar tard fis-sebgħinijiet nieda il-Minimum Wage u Childrens’ Allowance, iżda fl-aħħar snin Gvern Laburista kompla jżied dawn il-benefiċċji u ħoloq allowances ġodda oħra sabiex jara li ħadd ma jaqa’ lura. Daħħal ic-Child Care Centres biex jagħti opportunitajiet lin-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Ta żidiet sostanzjali fil-pensjonijiet wara snin twal mingħajr l-ebda żieda. Barra minn hekk minkejja l-problemi kbar li kellu jiffaċċja tal-pandemija u l-kriżi taż-żejt, Gvern Laburista ta għajnuna supplimentari lill-ħaddiema u lil min iħaddem biex ħadd ma jitlef xogħolu u n-negozju tiegħu. Żamm il-prezzijiet tal-enerġija baxxi u wasal biex bi ftehim mall-importaturi jwassal għal stabilita’ fil-prezzijiet tal-ikel filwaqt li pajjiżi oħra qed jiffaċċjaw inflazzjoni kbira. Dan kollu sar fl-istess waqt li żamm l-ekonomija tal-pajjiż b’saħħitha.

Apparti il-lat soċjali, bir-rieda qawwija tal-mexxejja tiegħu matul iż-żmien inkisbu għadd ta’ drittijiet bħal servizz tas-saħħa eċċellenti u b’xejn għal kulħadd, id-drittijiet u opportunitajiet indaqs għan-nisa, l-edukazzjoni obligatorja b’xejn u l-ħelsien ta’ pajjiżna.
Fuq kollox il-Partit Laburista baqa’ l-partit tal-progress, tal-prosperita’, tat-tama u tal-paċi.

Dan kollu jikkontrasta bil-kbir mal-partit tal-oppożizzjoni li minkejja t-telfiet elettorali li ġarrab ma biddel xejn mil-politika tiegħu ta’ firda, ta’ mibgħeda u parteġjaniżmu li ma jagħmlux ġid lill-poplu Malti u Għawdxi. Għadu jemmen li s-suq imexxi jkunu x’jkunu l-konsegwenzi fuq il-ħajja tan-nies. Baqa’ ma jitlifx okkażjoni biex ifixkel ħidmiet il-Gvern fil-fora Ewropej permezz tal-MEPs tiegħu li dejjem poġġew l-interess personali tagħhom u dawk tal-partit tagħhom qabel dawk ta’ pajjiżna. Din id-differenza bejn il-partiti u l-politika rispettiva tagħhom ħarġet fid-deher iżjed f’dawn l-aħħar xhur fejn in-newtralita’ ta’ Malta qed tiġi mhedda.

Hija din il-kwistjoni li qed tagħmel din l-elezzjoni daqsxejn differenti mill-elezzjonijiet passati għaliex xi ħadd ogħġbu jdaħħal element ġdid fuq l-aġenda tal-Ewropa għas-snin li ġejjien. Daħħal fin-nofs ħsibijiet ta’ gwerer li jmorru ‘l bogħod minn l-idejali li fuqhom twaqqfet l-Unjoni Ewropeja jiġifieri dik tal-paċi. Huma ta’ tħassib kbir għalina lkoll, diskorsi li qed isiru minn esponenti tal-Partiti Popolari Ewropej u bħalhom ta’ kelliema tal-Partit Nazzjonalista li qed jinsistu fuq armata Ewropeja, armamenti u difiża komuni għall-Ewropa. Kemm jistona ma dak li għallmuna l-mexxejja tagħna tal-passat bħal Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici li dejjem saħħqu fuq il-paċi u n-newtralita’ ta’ Malta pajjiżna. Għalija bħala missier huwa ta’ inkwiet kbir li nisma lil min jitkellem fuq l-eventwalita’ ta’ gwerra l-aktar meta għandna stampa ċara ħafna fuq it-televiżjoni ta’ xi tfisser din. Ma rajniex biżżejjed nisa, tfal u xjuħ imdemmija u mejta fost it-tiġrif ta’ djarhom? Nies innoċenti li tilfu ħajjithom għax xi ħaddieħor iddeċieda li jiġġieled u juża l-armi biex jieħu dak li jidhirlu li hu tiegħu bi dritt mingħajr l-anqas għamel sforz li jsib soluzzjonijiet oħra.

Ninkwieta iżjed meta naħseb li hemm numru kbir ta’ Maltin li t-toqol ta’ dawn il-pjanijiet ta’ gwerer ma jġiegħeluhomx jerġgħu jaħsbuha jekk għandhomx jivvutaw u jħallu lil ħaddieħor jiddeċiedi għalihom xi triq għandna naqbdu. Jekk għandniex nagħmlu ħilitna kollha permezz tal-MEPs tagħna biex din il-politika nirreżistuha. Min ma jivvutax ikun qed jagħti aktar saħħa lil dawk li l-għan tagħhom huwa li jħaxxnu l-bwiet ta’ dawk li jimmanifatturaw l-armi. Li jinvestu l-biljuni f’armi li jġiebu l-mewt minflok jinvestuhom fin-nies.

Ekonomija

Sport