Wednesday, July 24, 2024

Flimkien wettaqna ħolma li għal ħafna kienet impossibbli – Alex Muscat

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Alex Muscat għandu 39 sena u kien difensur li l-maġġor parti mill-karriera tiegħu qattagħha ma’ Sliema Wanderers. Fil-fatt, Muscat lagħab bejn l-2004 u l-2019 mal-Blues fejn deher 227 darba u skorja 26 gowl. Hu libes ukoll il-flokkijiet ta’ Lija Athletic u Balzan f’karriera mimlija suċċessi li jinkludu wkoll is-36 dehra mat-tim nazzjonali Malti.

Illum il-ġurnata, Alex Muscat għadu jifforma parti minn Sliema Wanderers għalkemm issa l-ħidma tiegħu hi dik ta’ team manager tal-klabb. Dan it-tim hu ferm għal qalbu u bħalma qalilna hu, diffiċli jinsa l-15-il sena servizz li ta bil-flokk ikħal.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Alex Muscat dwar l-aħħar suċċessi li Sliema Wanderers kisbu riċentement u xi jfisser għalih dan it-tim.

X’inhu r-rwol tiegħek eżatt fi ħdan Sliema Wanderers? 

Tista’ tgħid li apparti team manager nagħmel ukoll xogħol ieħor fi ħdan dan il-klabb tant għal qalbi. Fl-amministrazzjoni hawn ħafna xogħol u jien ma niddejjaq xejn immidd idejja biex ngħinhom. Ovvjament bħala team manager trid tkun dejjem aġġornat b’dak li jkun qed jiġri u tagħti ħafna pariri sabiex jinxtraw plejers li kapaċi jsaħħu t-tim.

Dan hu l-ewwel unur tiegħek ma’ Sliema Wanderers?

Bħala plejer irbaħt l-FA Trophy darbtejn u din kienet l-ewwel darba bħala amministratur. Tirbaħha meta tirbaħha, dejjem hu ta’ unur li ġġib lejn ix-xatt dan it-trofew li għalina hu speċjali. Kienu sentejn ta’ ħidma kontinwa kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu. Kien hemm ħafna preparamenti u ħadd ma stenna li konna se naslu biex niksbu t-tielet post tal-klassifika u saħansitra nirbħu l-FA Trophy. Jien personalment irċevejt ħafna kumplimenti mingħand il-kollegi tiegħi u hemmhekk tirrealizzali tkun għamilt xi ħaġa tajba. 

Kellimni wkoll dwar it-tragward tagħkom li issa se tilagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Ovvjament anke hawn ħadd ma beda jobsor li aħna konna se niġu t-tielet. Bdejna tajjeb ħafna fl-ewwel parti tal-kampjonat għalkemm irrilassajna ħafna f’xi mumenti. Minkejja kollox, meta ndunajna li hemm bżonn nagħtu iktar l-almu tagħna, ingħaqadna flimkien u rnexxielna niksbu post f’kompetizzjoni Ewropea wara għaxar snin. Minn dawn il-jiem bdejna l-preparamenti tagħna sabiex inkunu lesti għall-kompetizzjoni prestiġġjuża tal-UEFA Europa Conference League. Irridu tim b’saħħtu mhux mibdul ħafna mill-istaġun li għadda iżda b’elementi oħra li jkunu rtokki sabiex ikollna tim komplut. Nisperaw li jkollna polza favorevoli u li ngħaddu round jew tnejn sabiex flimkien inkomplu niktbu l-istorja.

X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq Paul Zammit?

Kulħadd jaf il-potenzjal tal-kowċ Paul Zammit. Hu kien il-bniedem li għaqqad ‘l hekk imsejħa jigsaw puzzle fejn ġab lil kulħadd miegħu, plejers, membri tal-kumitat u president. L-istess Keith Perry ġieh f’moħħu proprju Paul Zammit għax ried jipponta fuqu u kellu f’moħħu proġett ta’ sentejn fejn wara li ksibna l-promozzjoni miċ-Challenge League għall-Premier League, saħansitra qbiżna l-istennija tagħna u ksibna t-tielet post u rbaħna l-FA Trophy.

Paul Zammit hu kowċ li joqgħod ħafna attent għad-dettall, dejjem ippreparat u fuq kollox bħal ħafna minnha, jaħseb 24 siegħa fuq futbol. Hu għandu staff ta’ madwar tmienja min-nies li kollha ħadmu għal għan wieħed.

Semmejt lil Keith Perry. Kemm kien strumentali bħala president sabiex wasal dan is-suċċess?

Meta tqis li hu baqa’ fil-kumitat fejn il-klabb kien kważi falla, dawn in-nies inkluż l-istess Keith Perry baqgħu hemm fil-maltemp għax riedu jwasslu l-vapur fil-port. Kien hemm għaqda assoluta li kif ġabha l-kowċ Paul Zammit, saħħaħha Keith Perry. Sentejn ilu konna viċin li nżarmaw u sentejn wara qed naraw lit-tim fil-glorja u dan grazzi mhux biss għalih bħala president iżda wkoll għall-plejers u partitarji Slimiżi li dejjem kienu wara t-tim.

Ma nistgħux ma nsemmux lill-plejers barranin li tant kienu ta’ potenzjal sabiex Sliema Wanderers waslu fejn waslu. Xi tgħidli dwar il-plejers barranin li ġibtu?

Bla dubju li konna ferm ixxurtjati li waslu barranin ta’ kwalita’ u dan il-fattur mhux dejjem hu faċli. Bħalma taf int stess, il-barranin huma dejjem kaxxa magħluqa fejn minkejja li tara xi videos tagħhom, dan kollu mhux dejjem jirrifletti l-logħob tagħhom fil-grawnd meta jiġu f’pajjiżna. Aħna xorta waħda nagħmlu r-riċerki tagħna u xi kultant naraw ukoll l-istorja riċenti tagħhom fejn għandu x’jaqsam injuries għalkemm irrid ngħid li dak kollu li rajna kien kollu frott tal-għaqda li kellna bejnietna.

Nixtieqek tgħaddi messaġġ ta’ ringrazzjament lil dawk kollha li b’xi mod taw il-kontribut tagħhom għal dan is-suċċess.

L-ewwel u qabel kollox nixtieq nagħti ringrazzjament speċjali lill-partitarji akkaniti tagħna li telgħu l-grawnd f’dawn l-aħħar partiti partikolarment waqt il-finali tal-FA Trophy kontra Floriana FC. Ħadt pjaċir nara l-Enclosure tal-Istadium Nazzjonali mimli b’partitarji Slimiżi. Stajna nħossu entużjażmu mingħand kulħadd u atmosfera verament sabiħa. Rajna enerġija pożittiva mis-Slimiżi kollha li riedu jerġgħu jgħixu dawk iż-żminijiet glorjużi tal-passat. Nixtieq għalhekk nirringrazzjahom mill-ġdid.

Ma nistax ninsa lill-membri tal-kumitat li jaħdmu qatigħ, lill-president, lill-kowċ u lill-istaff tekniku tiegħu. Flimkien wettaqna ħolma li għal ħafna kienet impossibbli li ssir iżda li jekk tibqa’ toħlom, dan kollu kien kapaċi jsir realtá!

Ekonomija

Sport