Floriana Ajax temmew l-impenji tagħhom fi Grupp A taċ-Champions League of Darts fil-ħames post tal-klassifika b’żewġ punti minn ħames logħbiet.
It-tim Malti beda b’telfa ta’ 4-2 kontra Priekule SMK tal-Latvja, iżda rreaġixxa b’rebħa kbira ta’ 6-0 fuq Eagles ta’ Ċipru.
Fit-tliet konfronti ta’ wara, Floriana tilfu 5-1 kontra Stockholm Super Dart Club tal-Iżvezja u bl-istess skor kontra Tököl Darts Club SE tal-Ungerija, qabel temmew l-impenji tagħhom b’telfa ta’ 4-2 kontra Darts Point Team Ban tal-Kroazja.
L-iskwadra ta’ Floriana Ajax hi magħmula mill-captain Mario Farrugia, flimkien ma’ Kirsten Aquilina, Omar Aquilina, Enrico Scerri, Jonathan Aquilina, Edward Azzoppardi, Albert Scerri u Stephen Tagliaferro.
Floriana għalhekk temmew il-grupp b’rebħa u erba’ telfiet, bi 12-il leg mirbuħa u 18 mitlufa.
Minkejja li ma rnexxielhomx javvanzaw, Floriana Ajax kellhom l-opportunità jirrappreżentaw lil Malta f’din il-kompetizzjoni internazzjonali, bl-appoġġ tal-isponsor uffiċjali tagħhom VisitMalta.




