Monday, November 18, 2024

Floriana jtemmu s-sena 2023 fil-quċċata

Aqra wkoll

Floriana ………3

Marsaxlokk …2

Floriana rreġistraw rebħa drammatika ta’ 3-2 fuq Marsaxlokk biex temmew is-sena 2023 fil-quċċata tal-klassifika.

Kienet partita li setgħet marret kull naħa, biż-żewġ timijiet ikollhom il-waqtiet pożittivi tagħhom, b’Marsa­xlokk ikunu l-aħjar fl-ewwel taqsima, iżda wara l-mistrieħ Floriana, dehru trasformati tant li pproduċew l-isbaħ logħob.

Kienu Marsaxlokk li fet­ħu l-iskor fl-ewwel attakk perikoluż li ħolqu meta, fis-17-il minuta, ANTHONY OBONOGWU xeħet fix-xibka wara taħwida li nqalgħet quddiem il-lasti avversarji.

Fid-29 minuta, huma resqu viċin li jirduppjaw meta Obonogwu għadda lejn Yuri De Jesus Messias iżda minn pożizzjoni tajba ra lill-goalkeeper,  Georgi Kitanov, isalva t-tentattiv tiegħu.

Fis-47 minuta Marsaxlokk kellhom ferħa bla temma meta Yuri De Jesus Messias xeħet fix-xibka iżda l-goal tiegħu ma ġiex konvalidat minħabba li kien ġudikat li kien f’pożizzjoni ta’ offside.

Żewġ minuti biss wara, l-istess Messias kellu xutt fil-baxx jintemm ftit barra.

Madankollu fil-50 minuta, Floriana ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ xutt fil-baxx  ta’ CARLO ZAMMIT LONARDELLI, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka. 

Huma komplew jippressaw u tmien minuti wara daw­ru l-iskor  favur tagħhom hekk  JOSE ULISES ARIAS għeleb lill-goalkeper Marko Drobnjak. 

Iżda d-drama kienet għad­ha ma ntemmitx għax  fis-66 minuta, Marasaxlokk kisbu d-draw hekk kif YAGO RAMON SOUSA GOMES sposta lilu nnifsu ferm tajjeb u b’daqqa ta’ ras preċiża tefa’ fix-xibka.

Meta ngħata l-ħin miżjud kollox kien qed jindika li l-partita kienet se tintemm fi draw iżda, fis-97 minuta, Floriana skorjaw il-goal tar-reb­ħa meta KEMAR REID immira lejn ir-rokna tax-xibka fost il-ferħ tal-partitarji tal-Greens.

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 4-Oualid El Hasni, 8-Jose Ulises Arias (7-Mattia Veselji 80), 9-Kemar Reid, 11-Matheus de Sousa, 12-Dunstan Vella (22-Kyrian Nwoko 89), 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia, 21-Carlo Zammit Lonardelli (77-Aleandro Garzia 72), 42-Maksim Valadzko, 55- Alexandros Kouro (24-Lorenzo De Grazia 89)   – Coach: Mauro Camoranesi

MARSAXLOKK: 95-Marko Drobnjak, 3-Weder Soares da Silva, 4-Yago Gomes, 6-Nikolai Muscat, 10-Yuri De Jesus Messias, 11-Duane Bonnici, 17-Jacob Walker (23-Sa­muel Boakye 72), 27-Leandro Aguirre, 30-Ryan Scicluna, 94-Junior Gomes, 99-Anthony Obonogwu (88-Sunday Akinbule 81) – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Slobodan Petrovic

ASS. REFEREES: Duncan Sultana, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Alex Johnson

SKORERS: A. Obonogwu 17, Y. Gomes 69 (M), C. Zammit Lonardelli 53, J. U. Arias 60, K. Reid 94 (F)

AMMONITI: O. El Hasni, Y. R. Sousa Gomes, N. Muscat, D. Bonnici

Ekonomija

Sport