“Kemm-il darba fit-30 ta’ Mejju li ġej, il-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jafda lill-Partit Laburista bit-tmexxija tal-pajjiż, se nkunu qed noħolqu fond ta’ €30 miljun immirat għal investiment fir-ristoranti. Ristoranti li joperaw għal rashom ikunu jistgħu jużaw dan il-fond sabiex jibbenefikaw sa massimu ta’ €300,000 biex jagħmlu titjib fil-prodott tagħhom, itejbu l-esperjenza tal-klijenti tagħhom, iħarrġu l-ħaddiema jew jirrinovaw il-ħwienet tagħhom.”
Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li ffokat fuq is-settur turistiku.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-ħidma li wettaq dan il-Gvern wasslitna f’sitwazzjoni fejn l-operaturi turistiċi qed jirrapportaw riżultati tajbin anke f’dawk li huma “shoulder months”.
Tenna li issa jmiss li l-għajnuniet aċċessibbli għall-operaturi turistiċi jippremjaw it-titjib fil-kwalità ta’ akkomodazzjonijiet turistiċi eżistenti. Dawn se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn skema ta’ kreditu ta’ taxxa ddisinjata apposta għal akkomodazzjonijiet turistiċi li jagħmlu investiment f’rinnovar, standards ogħla u titjib fl-esperjenza tal-klijenti.
Waqt l-istess konferenza tkellmet is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli li ħabbret li se tkun qiegħda tiżdied l-eko-kontribuzzjoni fuq l-iljieli turistiċi minn 50 ċenteżmu għal €1.50 kull persuna għal kull lejl. Din se tibda tapplika mill-1 ta’ Lulju 2026. Ġie deċiż li 50 ċenteżmu li tinġabar minn kull kontribuzzjoni se tiżdied mal-fondi tal-Kunsill Lokali skont l-impatt tal-attività turistika f’dik il-lokalità.
Min-naħa tagħha, il-Membru Parlamentari Cressida Galea qalet li “llum pajjiżna huwa pilastru strateġiku fl-industrija tal-cruise liners fil-Mediterran u kważi miljun passiġġier kull sena qed jużaw il-portijiet tagħna. Vjaġġi li jibdew jew jispiċċaw f’pajjiżna jħallu valur akbar fl-ekonomija lokali. Se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura tal-Port il-Kbir sabiex l-operat tal-home porting ikun jista’ jespandi u jiżdiedu ż-żjarat minn luxury cruise liners.”


