Thursday, May 7, 2026

Proposti ġodda biex jissaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u l-ħarsien tal-ħaddiema

Aqra wkoll

Matul laqgħa bejn l-amministrazzjoni tal-General Workers’ Union u l-Kumitat dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata ġew diskussi diversi proposti mmirati biex itejbu l-benesseri tal-ħaddiema, isaħħu l-politiki tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u jimmodernizzaw il-proċessi amministrattivi.

Il-parteċipanti ffokaw id-diskussjoni tagħhom fuq soluzzjonijiet prattiċi biex jappoġġjaw kemm lill-ħaddiema kif ukoll lil min iħaddem, b’enfasi partikolari fuq arranġamenti ta’ xogħol flessibbli, inizjattivi soċjali, u sistemi amministrattivi aktar effiċjenti.

Ingrid Baldacchino, iċ-Chairperson tal-Kumitat fl-introduzzjoni tagħha qalet li dawn il-laqgħat mal-isħab soċjali qegħdin isiru biex jittieħdu proposti reali u sostenibbli, li aktar tard se jingħaddu lill-gvern.

Fost il-punti ewlenin diskussi kien hemm it-tisħiħ tal-politiki relatati mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata sabiex il-ħaddiema u l-familji tagħhom jingħataw aktar appoġġ, ir-remote working u arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli. Kif ukoll titjieb fil-leave tal-maternità, paternità u l-parental leave.

“Ix-xogħol flessibbli jrid isir l-ordni tal-ġurnata”, sostna Josef Bugeja, is-Segretarju Ġenerali uxxenti tal-General Workers’ Union fejn saħaq li flessibilità fil-ħinijiet tax-xogħol, fuq quddiem nett ġimgħa ta’ 40 siegħa mifruxa fuq erbat ijiem jew aħjar il-4 day week, flimkien ma’ remote working mifrux, kienu l-proposti ewlenin tal-GWU lura fl-2022.

“Illum,” qal Bugeja, “wasal iż-żmien li dawn isiru l-ordni tal-ġurnata bħala kundizzjonijiet biex ikollna futur tax-xogħol li jħares aħjar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Hekk jistgħu l-ħaddiema u l-familji tagħhom jgħixu tassew kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Żied jgħid li l-pandemija tal-Covid-19 kienet aċċellerat il-bidliet fid-dinja tax-xogħol u uriet li mudelli ġodda bħar-remote working u ħinijiet aktar flessibbli jistgħu jaħdmu b’mod effettiv f’ħafna setturi. Saħaq li dawn il-miżuri għandhom jgħinu lill-ħaddiema jlaħħqu aħjar mal-impenji familjari u personali tagħhom, filwaqt li jkomplu jżommu livell għoli ta’ produttività.

Kevin Camilleri, is-Segretarju Ġenerali (designate) qal li hu jemmen li r-remote working u arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli kif ukoll titjieb fil-leave tal-maternità, paternità u l-parental leave huma l-pilastri li flimkien irridu naħdmu fuqhom biex inkomplu nsaħħuhom għall-ġid tal-ħaddiema u l-familji tagħna.

“Bħalma diġà sħaqt nara li wasal iż-żmien li jinħoloq Fond Soċjali Nazzjonali li jservi ta’ appoġġ għall-ħaddiema,” qal Kevin Camilleri.

Kompla jgħid li fil-każ tar-remote working huwa jemmen li dan għandu jkun maħdum fuq mudell hybrid hekk kif ma jagħmilx ġid li persuna tingħalaq ġimgħa wara ġimgħa d-dar, taħdem waħedha fis-solitudni.

Issemmiet il-ħtieġa li hekk kif id-diġitalizzazzjoni, ir-robotika u l-Intelliġenza Artifiċjali daħlu sew fid-dinja tax-xogħol jeħtieġ li l-ħaddiema tagħna jingħataw korsijiet ta’ taħriġ (reskilling courses) sabiex ikunu jistgħu jadattaw għall-ħtiġijiet ġodda tas-suq tax-xogħol. Kif ukoll ir-right to disconnect, li permezz tiegħu l-ħaddiema jkunu jistgħu jaqtgħu mill-ħidma tagħhom barra l-ħin tax-xogħol u jgħixu ħajja aktar bilanċjata u ta’ kwalità mal-familja u s-soċjetà.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali Kevin Abela sostna fuq l-isfidi li se ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn il-ħaddiem u min iħaddem.

“Il-pilastru tad-djalogu soċjali għandu jibqa’ anzi jissaħħaħ biex it-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u ekwa bl-għodod tal-Intelliġenza Artiċjali u t-teknoloġija jkunu hemm biex jgħinu u mhux biex jieħdu post ir-riżors uman,” qal Kevin Abela.

Għal din il-laqgħa attendew ukoll il-membri tal-Kumitat Maria Micallef, Roderick Cutajar u Saviour Said.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport