Thursday, May 7, 2026

“Dehret ġenwina, ħassejtni redikola, ma stajtx nemmen li ħaditli flus uliedi” – eks bankiera

Tkompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tammy Caruana ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar fejn qiegħda tiġi akkużat li ffrodat madwar 200 persuna

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Tammy Caruana ta’ 25 sena minn San Pawl il-Baħar fejn qiegħda tiġi akkużat li ffrodat madwar 200 persuna.

Fis-seduta xehdet waħda mill-vittmi fejn qalet li kienet tilfet madwar €20,000 minn kont tagħha mal-BNF Bank. Vittma oħra qalet li ma setgħetx temmen li “mara lokali kienet ħadet flusha u flus it-tfal tagħha”.

L-ammont totali ta’ flus li allegatament frodat Caruana tela’ għal madwar miljun ewro. Hija qiegħda tiċħad l-akkużi kollha kontriha.

Intant fix-xhieda tagħha l-vittma spjegat fid-dettall dwar kif sfat ffrodata. Qalet li fit-3 ta’ Novembru tas-sena l-oħra kienet irċiviet messaġġ li nfurmaha li xi ħadd kien daħal fuq l-kont bankarju tagħha.

Xehded li hija kienet kklikkjat fuq link għax dehrilha li kien wieħed validu u l-paġna li telgħet kienet identika għal dik tal-BNF bank. Spjegat li wara ftit tal-ħin kienet irċiviet telefoanta mill-istess numru li normalment jintuża mill-bank.

Min ċempel kien qallha li jisimha “Rachel” u informata li kien hemm tentattiv ta’ tranżazzjonijiet mill-kont tagħha u staqsietha jekk kinitx hi li qed tipprova tagħmilhom. Il-vittma wiġbitha fin-negattiv.

Il-vittma kompliet tixhed li fuq struzzjonijiet ta’ “Rachel” li wara allegatament sar magħruf li kienet Tammy Caruana daħlet fl-app tal-bank u għafset “cancel transaction” fuq kull tranżazzjoni li kienet qed tidher. “Kull darba kont nirċievi code u qaluli li hekk suppost inkun qed nikkanċella t-transaction,” spjegat il-vittma.

“Rachel” kienet serħitilha moħħha li għalkemm il-flus kienu se jidhru li nqatgħu mill-kont, dawn kienu se jidħlu lura l-għada. Madankollu, ġew trasferiti €6,000, €6,000 u €8,000 lejn kontijiet fl-Irlanda filwaqt li sar tentattiv ieħor ta’ €10,000 li ma għaddiex.

Il-vittma tgħid “dak il-ħin ħadt xokk kbir u naqsu €20,000 mill-kont tiegħi.”Wara ġiet infurmata mill-bank li kienet vittma ta’ scam.

Xhud oħra kienet vittma li kellha kontijiet bankariji ma’ APS Bank. Hija xehded li kienet irċeviet telefonata min-numru li deher li kien tal-bank,  wara li kienet diġà qed titkellem mal-bank dwar allegat ‘direct debit’ suspettuż.

Kompliet tixhed li meta ċemplitilha Caruana f’isem il-bank kienet ħasbet li kien każ urġenti. Ix-xhud qalet li fil-passat kienet taħdem il-bank u l-komunikazzjoni li kellha mal-allegat frodista keinet tidher waħda awtentika.

Fix-xhieda tagħha l-allegat vittma qalet li fuq it-telefon min kien qiegħed ikellimha kienet żagħżugħa u kultant kienet titfixkel fil-kliem tagħha, iżda dan ma qajjimx suspett.

“Qatt ma għaddieli dubju minn moħħi li kienet scam,” qalet l-allegat vittma filwaqt li kompliet tgħid li għalkemm Caruana kienet serħitilha moħħa li t-tranżazzjoni kienet se titreġġa’ lura, il-flus qatt ma daħlu lura fil-kont tagħha.

“Ħassejtni stupida u redikola,” xehdet il-vittma, li tilfet madwar €4,900. Fi tmiem ix-xhieda tagħha, il-vittma spjegat li “kien ingann maħdum tajjeb ħafna”. Sostniet li l-mara kienet titkellem bil-Malti u ma setgħetx temmen li ħaditilha flusha u flus uliedha.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bank of Valletta plc deher il-Professur Stefano Filetti. Għal Banif plc dehret l-Avukat Maria Lisa Buttiġieġ. Għall-akkużati dehru l-Avukati Roberto Spiteri, Franco Galea, Alfred Abela u Rene Darmanin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport