Iwaqqfuh fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu…jgħidilhom li hu student… jurihom visa…kellhom suspett li kien sejjer għax-xogħol

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kama jirrakkonta kif fit-13 ta’ Frar meta l-visa tiegħu kienet għadha valida, huwa ġie mwaqqaf mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni waqt spezzjonijiet li kienu qegħdin isiru fuq il-karozzi tal-linja, fejn huwa identifika ruħu bħala student li kellu ‘student residence visa’. Il-Pulizija mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni spjegaw li din l-ispezzjoni saret fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, u mill-mod kif kien liebes Kama kien hemm suspett li dan kien sejjer f’post tax-xogħol u mhux f’istituzzjoni edukattiva.

Kama ittieħed fil-Kwartieri tal-Pulizija, fejn ġie eżaminat il-mobile tiegħu. Il-Pulizija elevat mill-mobile tiegħu messaġġi li hu kien bagħat bis-sistema tal-Whatsapp fejn huwa beda jiċċirkola s-CV tiegħu lil bosta sidien ta’ postijiet tax-xogħol prospettivi f’Malta, flimkien ma’ messaġġi u ritratti li jindikaw li huwa kien qiegħed ifittex impjieg. Kien irriżulta li hu anki għamel xift bi prova f’ħanut tal-pastizzi u xogħol ta’ tindif f’xi appartamenti. Fl-istess ġurnata, l-Uffiċjal Prinċipali tal-Immigrazzjoni ħareġ Deċiżjoni ta’ Ritorn fil-konfront ta’ Kamą, wara li ddikjara li huwa immigrant ipprojbit ai termini tal-artikolu 5 tal-Kap. 217, flimkien ma’ Ordni ta’ Tneħħija u Ordni għad-Detenzjoni tiegħu, u ‘Entry Ban’ għal perijodu ta’ tliet snin li matulu Kamą ma jkunx jista’ jidħol f’Malta jew f’xi pajjiż taż-żona Schengen.

Kama ikkontesta id-deċiżjoni kif jagħmlu ħafna ħaddiema oħra….jirbaħ il-każ

Kama ikkontesta din id-deċiżjoni. Kien wieħed minn dawk l-eluf li fl-aħħar xhur u snin spiċċaw jikkontestaw id-deċiżjonijiet tagħhom. Il-bord li sema’ l-każ tiegħu ikkummenta li “l-istħarriġ fuq l-apparat mobbli ta’ Kama żvela evidenza ċara ta’ ksur tal-Att dwar l-Immigrazzjoni u l-kundizzjonijiet marbuta mal-awtorizzazzjoni ta’ residenza tiegħu bħala student. B’mod partikolari, il-messaġġi WhatsApp estratti juru li hu kien qed jiċċirkola b’mod attiv il-curriculum invite tiegħu lil bosta sidien ta’ postijiet tax-xogħol prospettivi, u ripetutament jitlob opportunitajiet ta’ xogħol.

Barra minn hekk, l-apparat kien fih messaġġi u materjal fotografiku li juri li kien diġà ħadem – għall-inqas fuq bażi ta’ prova – f’ħanut tal-pastizzi u wettaq dmirijiet ta’ tindif f’bini residenzjali. Tali xogħol bi qligħ twettaq mingħajr l-awtorizzazzjoni meħtieġa u bi ksur tal-limitazzjonijiet imposti fuq l-istudenti, u għalhekk jikkostitwixxi impjieg mhux awtorizzat u użu ħażin tal-istatus ta’ immigrazzjoni tiegħu. Meqjus b’mod kumulattiv, dan il-mudell ta’ mġiba juri intenzjoni li jirrisjedi primarjament għax-xogħol u mhux għall-istudju u jammonta għal ksur tal-leġiżlazzjoni dwar l-immigrazzjoni suffiċjenti biex japplika l-Artikolu 5 tal-Att u r-Regolamenti dwar ir-Ritorn.”

Minn naħa tiegħu l-Bord qal li hu oġġettivament inkontestabbli, u kkonfermat minn evidenza dokumentarja, li fit-13 ta’ Frar 2026 Kama kellu viża għadha valida maħruġa mill-awtoritajiet Maltin għal skopijiet ta’ studju. Qal li irrispettivament mid-dubji li jistgħu jeżistu dwar il-konformità tiegħu mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dik il-viża, ma jistax jingħad fil-liġi li “żbarka … mingħajr permess” – u lanqas, fin-nuqqas ta’ rtirar jew kanċellazzjoni formali ta’ dik l-awtorizzazzjoni – li huwa attwalment preżenti f’Malta mingħajr ebda permess.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport