Tuesday, August 18, 2026
Home Internazzjonali L-Istati Uniti se tnaqqas l-eżerċizzji militari konġunti mal-Korea t’Isfel

L-Istati Uniti se tnaqqas l-eżerċizzji militari konġunti mal-Korea t’Isfel

0
14

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump stqarr li se jnaqqas b’mod sostanzjali l-eżerċizzji militari konġunti tal-Istti Uniti mal-Korea t’Isfel, wara li dan l-aħħar irrifjutat li tingħaqad mal-Istati Uniti fil-proċess tad-denuklearizzazzjoni tal-Iran. Id-dikjarazzjoni tiegħu Trump għamilha filwaqt li ftaħar bir-relazzjoni “tajba ħafna” li għandu mal-mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong Un. 

Il-Korea t’Isfel qalet li qed tistudja l-kummenti ta’ Trump, u żiedet tgħid li tittama li relazzjoni favorevoli bejn Washington u Pyongyang tista’ twassal għal taħditiet sinifikanti. Pyongyang għadha ma kkummentatx dwar dan.

Aktar qabel, il-Korea t’Isfel qalet li l-eżerċizzji mal-Istati Uniti se jipproċedu “kif skedat”. Dan wara li l-Korea ta’ Fuq dan ix-xahar wettqet sessjoni ta testijiet ta’ missili ballistiċi li huma pprojbiti min-Nazzjonijiet Uniti.

It-tħabbira ta’ Trump li jnaqqas drastikament l-eżerċizzi konġunti mal-Korea t’Isfel saret inqas minn 24 siegħa wara li huwa ppubblika ritratt antik tiegħu u ta’ Kim Jong Un mill-2019, fejn kiteb li t-tnejn kienu ħbieb kbar minkejja d-dehra mhux ta ħbiberija f’dan ir-ritratt partikolari.

Fi stqarrija mill-palazz presidenzjali tal-Korea t’Isfel intqal li se jitkomplew il-konsultazzjonijiet diplomatiċi dwar il-kooperazzjoni militari bejn l-Istati Uniti u l-Korea relatata mal-Istrett ta’ Hormuz, filwaqt li tse jkunu diskussi d-dettalji dwar eżerċizzji militari konġunti mal-Istati Uniti.

L-eżerċizzji konġunti tad-difiża bejn l-Istati Uniti u l-Korea t’Isfel huma essenzjali u t-tnaqqis tagħhom jista’ jagħmel ħsara lill-koordinazzjoni tal-alleanza, inaqqas il-proċess li bih il-Korea t’Isfel tieħu responsabbiltà akbar għad-difiża tagħha stess, u jdgħajjef id-deterrenza kontra kunflitti possibbli fl-Asja.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-mexxejja militari tal-Istati Uniti u tal-Korea t’Isfel kellhom konferenza stampa konġunta li ħabbru l-Ulchi Freedom Shield. Qalu li l-avveniment ta’ 11-il jum se jkun simili fid-daqs għas-snin ta’ qabel, b’madwar 18,000 suldat tal-Korea t’Isfel jipparteċipaw.

Dawn l-eżerċizzji konġunti saru ftit jiem wara li l-Korea t’Isfel, l-Istati Uniti u l-Ġppun skoprew it-tieni test tal-missili tal-Korea ta’ Fuq fi spazju ta’ ftit jiem.

Pyongyang intensifikat l-isforzi tagħha biex tespandi l-programmi nukleari u tal-missili tagħha wara li fl-2019 falliet id-diplomazija ta’ profil għoli bejn Kim u Trump matul l-ewwel mandat ta’ dan tal-aħħar fil-White House.

Għal Seoul, il-messaġġ ta’ Trump iħalli impressjoni mħallta. Minn naħa, huma ilhom jitolbu lil Trump biex jinvolvi ruħu ma’ Pyongyang, u l-messaġġ iqajjem it-tama li jista’ jwassal biex Kim jerġa’ lura għall-mejda tan-negozjati.

Madankollu, Trump qed jindika wkoll li mhuwiex kuntent bin-nuqqas ta’ rieda tal-Korea t’Isfel li tagħti kontribut militari jew loġistiku diretti fl-ostilitajiet tal-Istati Uniti mal-Iran.

Huwa wera wkoll id-dissatisfazzjoni tiegħu lejn alleati oħra minħabba l-eżitazzjoni tagħhom li jinvolvu ruħhom fil-kunflitt, fosthom il-Ġppun, Franza u r-Renju Unit. Fil-passat, Trump irrimarka diversi drabi li l-Istati Uniti qed tipprovdi sigurtà lill-Korea t’Isfel mingħajr ma tieħu ħafna lura bi tpattija.

Huwa kkritika l-għadd ta’ suldati stazzjonati fil-peniżola kif ukoll l-infiq involut. Dan ikkumplika r-relazzjoni ta’ Washington ma’ Seoul, li tqis dawn is-suldati bħala element fundamentali tal-alleanza tagħha mal-Istati Uniti.

Aktar kmieni din is-sena, Seoul ippruvat ittaffi t-tensjoni billi impenjat ruħha li tinvesti $350 biljun fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, is-sena l-oħra l-President Lee Jae Myung iddeskriva lil Trump bħala bniedem li jġib il-paċi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here