Għaddejjin xogħlijiet f’Birkirkara fuq l-installazzjoni ta’ sitt kilometri ta’ cables ġodda bl-għan li jkompli jissaħħaħ in-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku u tittejjeb il-kapaċità tiegħu biex jilqa’ għall-ħtiġijiet dejjem jikbru.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, Miriam Dalli, qalet li dan l-investiment huwa parti mill-ħidma kontinwa biex tissaħħaħ l-infrastruttura tal-enerġija f’pajjiżna.
Hija spjegat li dan il-proġett mhux biss qed jindirizza l-ħtiġijiet attwali, iżda qed jipprepara wkoll lin-network għall-isfidi u d-domandi tal-futur.
L-installazzjoni ta’ dawn il-cables ġodda hija importanti sabiex tkompli tittejjeb l-affidabbiltà tas-servizz tal-elettriku, b’benefiċċju dirett għall-familji u n-negozji.
Il-Ministru Dalli saħqet li l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija se jkompli, bil-għan li jkun hemm network aktar b’saħħtu u li jkun kapaċi jlaħħaq mad-domandi ta’ soċjetà u ekonomija li qed jevolvu kontinwament.
“Inkomplu ninvestu għall-familji u n-negozji tagħna,” temmet tgħid il-Ministru Miriam Dalli.
