“Jekk iħabbat il-bieb wieħed għandu jiftaħ u jagħti merħba, imma jekk le l-bieb jibqa’ magħluq.”
Hekk kiteb l-Avukat u eks Deputat Nazzjonalista Franco Debono f’messaġġ fuq Facebook li ħafna qegħdin jinterpretawh li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma avviċinah biex jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Franco Debono, sa ftit tax-xhur ilu kien tkellem dwar stħarriġ li kien sar meta kien hemm it-tellieqa għall-Kap ġdid Nazzjonalista, fejn dakinhar kellu appoġġ ta’ 10% fost dawk eleġibbli li jivvotaw.
Mistoqsi kemm-il darba jekk hux interessat li jikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss, Debono dejjem qal li “qiegħed josserva dak li qiegħed iseħħ”.
Intant fl-istess messaġġ fuq il-midja soċjali, Franco Debono kiteb li “jekk issir stedina wieħed għandu jilqagħha, imma mingħajr stedina wieħed m’għandux jistieden lilu nnifsu.. Dejjem għandu jkollok pride u self-respect u qatt tistieden lilek innifsek. Żomm id-dekor u d-dinjità tiegħek.”


