Mill-inqas 13-il mara bit-tfal li għandhom rabtiet mal-Istat Islamiku waslu lura l-Awstralja wara snin jgħixu f’kamp ta’ detenzjoni fis-Sirja.
Il-grupp ta’ nisa u tfal li kollha għandhom ċittadinanza Awstraljana ilhom jgħixu fil-kamp ta’ detenzjoni ta’ al-Roj mill-2019 u għal dawn l-aħħar snin kienu fuq dibattitu nazzjonali fl-Awstralja jekk għandhomx jitħallew jidħlu lura fil-pajjiż.
Għall-ewwel il-Gvern Awstraljan qal li mhux se jkun qiegħed jgħin lil dawn il-persuni minħabba rabtiet mal-Istat Iżlamiku u jistgħu jkunu ta’ theddida għas-soċjetà.
L-ewwel grupp ta’ 3 nisa flimkien ma’ 8 itfal li jidher li huma kollha membri tal-istess familja waslu f’Melbourne, filwaqt li l-bqija tal-persuni l-oħrajn waslu fil-belt ta’ Sydney ftit tal-ħin wara.
Il-Pulizija qalu li wħud min-nisa se jkunu qegħdin jiġu arrestati mal-wasla tagħhom filwaqt li l-oħrajn jistgħu jiġu arrestati aktar tard hekk kif l-investigazzjoni dwarhom għadha għaddejja.
Il-familja li waslu f’Melbourne huma ta’ Mohammad Ahmad, li jmexxi għaqda tal-karità. Il-Pulizija Awstraljana għandhom suspetti kbar li l-flus li jinġabru minn din l-għaqda jmorru direttament lejn l-Istat Iżlamiku.
Fl-2019 meta Ahmad kien qiegħed jiġi intervistat fuq ABC News ċaħad dawn l-akkużi kollha kontrih. Hu kien ġie arrestat fis-Sirja u anke għamel snin twal fil-ħabs.
Il-mara bit-tfal li waslu fil-belt ta’ Sydney ġiet iddentifiakta bħala Janai Safar. Magħha kellha tifel ta’ 9 snin li twieled fis-Sirja. Skont informazzjoni fil-midja Awstraljana Safar kienet studenta tal-mediċina, iżda fl-2015 kienet telqet lejn is-Sirja biex iżżewġet ġellied tal-Istat Iżlamiku.
FL-2019, Safar kienet tkellem mal-midja Awstraljana fejn qalet li kienet deċiżjoni tagħha li tmur is-Sirja u m’għandha l-ebda ħsieb li tirritorna f’pajjiżha. Kienet qalet li l-akbar biża’ tagħha jekk terġa’ lura l-Awstralja li tiġi arrestata u jeħdulha t-tifel.


