L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ddikjara li l-Partit Nazzjonalista m’għandux pjan biex ineħħi t-tanker tal-gass minn Marsaxlokk u jekk jagħmel hekk jispiċċa jkollu jgħolli l-kontijiet.
Dr Muscat għamel analiżi dettaljata dwar din il-proposta li ressaq il-PN. Huwa beda stqarr li l-PN qal li se jneħħi t-tanker, li fi kliem l-eks Prim Ministru “huwa punt tajjeb u parti mill-pjan li dejjem kien hemm.” Innota wkoll kif tal-PN qalu li se joħorġu l-ħażna tal-gass LNG fil-“pompa tal-petrol” li se jagħmlu fuq Hurd’s Bank.
Dwar din tal-aħħar, Dr Muscat qal li din hi idea li ilha tiċċirkola. Huwa iżda qal li min studja din l-idea jaf li fiha vantaġġi iżda wkoll tħassib ambjentali.
“Niskanta li min jinkwieta ġustament fuq binja f’ODZ ma jitkellimx dwar l-akbar żvilupp industrijali immaġinabbli f’nofs ekoloġija sensittiva tal-baħar Mediterran fejn jekk jiġri xi ħaġa mhux biss joħloq diżastru ambjentali izda jkisser l-industrija turistika ta’ pajjiżna għax imbagħad addio baħar. Taf int, konna inkwetati fuq tanker wieħed, aħseb u ara fuq gżira sħiħa mimlija tankijiet u żjut,” qal Dr Muscat.
“Iżda ejja ma nidħlux f’dan il-punt. Lanqas ma nidħlu fil-punt ta’ sigurtà li wieħed se jagħmel infrastruttura kritika għall-pajjiż f’ibħra internazzjonali miftuħa, esposta għal ċertu riskji li jekk jiġri xi ħaġa tikkriepa l-ekonomija tal-pajjiż.”
Numri Ħżiena
Dr Muscat qal ukoll li l-problema huwa n-nuqqas ta’ ħsieb bażiku. “Għaliex wieħed ma jistax sempliċiment joħrog it-tanker fuq Hurd’s Bank kif kien hemm min pinġieha. Trid tinbidel is-sistema kollha minn FSU ghal FRSU (jiġifieri jinkludi regasification).”
L-eks Prim Ministru qal ukoll li “biex tibni FRSU trid madwar €600 miljun. Impjant simili fuq l-art (mhux fil-baħar) f’Livorno sewa €575 miljun fl-2014. Jekk tiġi biex tikrih trid mal-€110,000 kuljum, jiġifieri €40 miljun fis-sena.”
“Magħha trid iżżid faċilitajiet oħra bħal Single Point Mooring li jiswew mal-€40 miljun oħra.”
“Il-pipeline minn Hurd’s Bank sa’ Delimara jiswik €50 miljun oħra.
“Qed inħalli barra l-fatt li dan kollu ma jinkludix back up facilities kif jeżistu bis-sistema tal-lum u jekk jiġri xi ħaga fil-provvista tieqaf topera il-power station.
“B’kollox għandek €690 miljun. Minbarra xi €8 miljuni oħra fis-sena biex toperah.
“Allura ngħid jien kif jista’ jkun li dan il-proġett grandjuż tal-“pompa tal-petrol” f’nofs il-Mediterran se jiswa “biss” €450 miljun meta r-rilokazzjoni tat-tanker waħdu jiswa €690 milljun, jigifieri €240 miljun aktar. Sinjal li minkejja l-kunċett interessanti, ix-xogħol sar nofs kedda,” tenna l-eks Prim Ministru.
“Issa jkun hemm xi bravu jgħid li kulma jrid isir li nirranġaw it-tanker eżistenti. Mela le, iżda sadattant tieqaf taħdem il-power station, jinqata’ d-dawl ta’ spiss ħafna u jogħlew il-kontijiet,” kompla jgħid Dr Muscat.
“Kieku għamlu xogħolhom sewwa kienu jindunaw li jaqbel ferm aktar dak li ilu jaħdem fuqu l-Gvern, jiġifieri li jsir pipeline permanenti li jgħaqqadna man-network Ewropew tal-gass naturali u li jgħinna nixtru l-gass u li ma jkunx espost għall-elementi u problemi ta’ sigurta.
“Hawn infakkar li meta l-Gvern ħadem mal-UE biex dan il-proġett ikun ikklassifikat bħala Project of Common Interest, il-Partit Nazzjonalista ħareġ ifixkel tant li saħansitra l-Kamra tal-Kummerċ ħarġet twiddbu.”
Dr Muscat temm jgħid li: “Dan kollu mhix kwistjoni ta’ proġett jew numri. Il-kwistjoni hija l-kredibiltà. Faċli tgħid iżda diffiċli twettaq. Il-mistoqsija li jistaqsi l-poplu hi jekk b’dawn il-wegħdiet kollha li qed jisma, min jafda li għandu l-abbiltà u l-esperjenza li veru jwettaq dak li qed iwiegħed. It-tweġiba tajtuwha intom u taqraw din is-sentenza.”


