Santo Arena kien ikkundannat 15-il sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li assoċja ruħu ma’ persuni oħra sabiex ibigħ jew jittraffika l-kannabis f’pajjiżna.
Quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, ir-raġel ammetta wkoll li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga, li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu. Il-każ imur lura għat-23 ta’ Ġunju 2023.
Meta kien tressaq fil-Qorti, kien ħareġ li l-pulizija kellha taħt għajnejha l-appartament tar-raġel f’San Pawl il-Baħar sakemm ġie ċċirkondat u saret tfittxija fuq ġewwa.
Intqal li meta marru fuq il-post sabu lill-akkużat ma’ familtu u fit-tfittxija li saret instabu diversi pakketti li bejniethom kellhom madwar 54 kilo droga, suspettata li hi kannabis.
Il-Pulizija qalu li dan l-ammont tad-droga kellu valur fis-suq ta’ madwar €880,000.
L-akkużat kien irreġistra ammissjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ dak li ġie akkużat bih fl-Att tal-Akkuża, b’dan illi minkejja li l-Qorti akkordatlu żmien biex jerġa’ jikkonsidra l-ammissjoni tiegħu, meta reġgħet staqsietu jekk kellux bżonn aktar ħin sabiex jaħsibha, huwa wieġeb fin-negattiv, u b’hekk ikkonferma l-ammissjoni ta’ ħtija tiegħu.
Qabel ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti kkunsidrat il-fedina penali nadifa tal-akkużat, in-natura serja tal-Kapi ta’ Akkuża miġjuba kontrih u anke l-ammissjoni tiegħu.
Intqal li filwaqt li hu minnu li f’dan il-każ, l-ammissjoni tal-akkużat saret fi stadju avvanzat tal-proċeduri, b’danakollu ma jistax jiġi injorat il-fatt li l-ġuri ma laħaqx ġie kompost u b’hekk ġew evitati spejjeż żejda u ġew evitati wkoll li jsiru l-preparamenti neċessarji għall-ġuri.
Wara li qieset kollox, il-Qorti qalet li kellha taderixxi mal-piena kif patteġġjata bejn l-Avukat Ġenerali u l-akkużat fir-rikors konġunt tagħhom, liema piena ntqal li hi waħda fil-parametri tal-liġi u li tirrispekkja l-gravità ta’ dak li Arena ġie akkużat bih.
Kien għalhekk li l-Qorti sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u kkundannatu 15-il sena priġunerija kif ukoll għall-ħlas ta’ multa ta’ €15,000.
Huwa kien ordnat ukoll li jħallas nofs l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-ħatra tal-esperti f’dawn il-proċeduri, jiġifieri l-ammont ta’ €10,569, u dan fi żmien sentejn.
