Raġel arrestat b’rabta ma’ droga f’San Ġiljan

Aqra wkoll

Matul il-lejl ta’ bejn it-Tnejn u t-Tlieta, diversi taqsimiet tal-Korp tal-Pulizija wettqu spezzjonijiet fiż-żona ta’ San Ġiljan, fejn ġie arrestat raġel mill-Gambja, residenti l-Gżira u għandu 31 sena, b’rabta ma’ allegat traffikar tad-droga.

Waqt li l-pulizija kienu qegħdin fiż-żona tat-taraġ ta’ Santa Rita, innutaw raġel suspettuż. Dan ġie avviċinat minnhom, iżda hekk kif innota l-preżenza tal-pulizija pprova jaħrab. Huwa twaqqaf mill-ewwel, ġie arrestat u saret tfittxija fuqu.

Fil-pussess tiegħu nstabu 31 pillola ħadra maqsuma f’14-il qartas, 5 pilloli roża maqsuma f’4 qratas, 15-il qartas b’sustanza suspettata kannabis, 11-il qartas b’sustanza suspettata kokaina u 2 qratas b’sustanza kristallina safra suspettata amfetamina, kif ukoll flus kontanti u żewġ mobiles.

Aktar tard, saret ukoll tfittxija fir-residenza tiegħu, fejn instabu aktar qratas b’sustanzi suspettati kannabis, kokaina u amfetamina, kif ukoll pilloli suspettati ecstasy.

Ir-raġel ittieħed lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija sabiex ikomplu l-investigazzjonijiet filwaqt li mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport