Bħal-lum 41 sena Alfred Kitcher kiser rekord dinji, dak tal-iktar bniedem li dam fil-baħar

Aqra wkoll

Kien bħal-lum 18 ta’ Awwissu tal-1985 meta Alfred Kitcher ta’ 38 sena, kien kiser rekord dinji, dak tal-iktar bniedem li dam fil-baħar.

Kien tliet snin qabel meta sħabu kienu għamlulu kuraġġ biex jidħol għal din l-isfida. Kienu qalulu li r-rekord dinji kien insab f’idejn Albert Rizzo fejn għamel 72 siegħa fil-baħar. Rizzo kien mill-Belt Valletta.

Kitcher mill-ewwel kien daħal għall-isfida tant li beda taħriġ intensiv li kien jinkludi rfigħ ta’ piżijiet, ġiri u sigħat twal fil-baħar f’kull tip ta’ temp.

Fuq pariri ta’ professjonisti kien beda jsegwi dieta speċjali fejn kien jiekol ikel mitħun u jixrob ilma tax-xgħir. Iżda wara kollox, l-aktar preparazzjoni importanti kienet dik psikoloġika, billi tgħallem iżomm kalm u jiffoka fuq dak li kien diġà rnexxielu jwettaq.

Kitcher kellu appoġġ kbir mill-familja biex jidħol għal din l-isfida u anke l-promoturi Willie Apap u wara Pawlu Lia tawh appoġġ kbir.

Għal dan ir-rekord tant importanti twaqqaf kumitat biex ikun jista’ jieħu ħsieb l-organizzazzjoni u anke jara r-regoli stretti tal-Guinness World Record  fosthom li ma jmiss ma’ xejn, ikun f’gagga fl-ilma u jkollu sorveljanza kontinwa u tabib li jiċċekkjah.

L-ewwel sfida ta’ Kitcher kienet saret fil-15 ta’ Lulju tal-1982 meta niżel fil-baħar fix-Xatt tal-Gżira quddiem folla kbira ta’ nies.  Wara mitt siegħa u ħames minuti fil-baħar, fejn kien anke jirnexxielu jorqod u jiekol xi ftit, ittella’ l-art u ttieħed l-isptar għall-osservazzjoni. 

Iżda r-rivalità ma’ Albert Rizzo kompliet għaddejja tant li sena wara Rizzo kien niżel fil-baħar fejn reġa’ kiser ir-rekord fejn għamel 116-il siegħa fil-baħar.

Imbagħad fl-1984, Kitcher kien għamel maratona ta’ aktar minn 124 siegħa fil-baħar fejn reġa’ kiser ir-rekord. L-istorja ta’ dawn ir-rivali ma waqfietx hemm hekk kif fl-1985, Rizzo reġa’ daħal għaliha u wettaq 132 siegħa.

Kien dakinhar, li Kitcher iddeċieda li jagħmel sfida ferm akbar. Fil-fatt fl-10 ta’ Awwissu 1985, kien niżel fil-baħar biex jibda maratona bil-għan li jilħaq l-144 siegħa. Iżda wara li għaddew dawk is-sigħat u t-tabib ikkonferma li kien għadu f’saħħtu, Kitcher iddeċieda li jkompli jirreżisti l-qilla tax-xemx matul il-jum u l-kesħa tal-lejl.

Kitcher spiċċa għamel xejn inqas minn 200 siegħa u sitt minuti fil-baħar (kważi tmint ijiem sħaħ), rekord dinji li warajh ħadd ma rnexxielu jikser.

Kitcher u Rizzo kienu tampar xulxin. It-tnejn twieldu fl-1947. It-tnejn servew fil-Kunsill Lokali tal-Gżira fis-snin disgħin u wara. Alfred Kitcher għadu mimli bl-għomor, illum għandu 79 sena. Albert Rizzo miet fl-2008, fl-għomor ta’ 60 sena. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport