Raġel ta’ 44 sena residenti f’Tal-Pietà baqa’ jinżamm arrestat wara li kien mixli li hedded lill-ġenituri li jaħraqhom ħajjin jekk ma jagħtuhx flus għad-droga.
Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Qorti li l-każ beda nhar il-Ġimgħa filgħaxija meta l-ġenituri tal-imputat kienu marru l-għassa tal-pulizija biex jagħmlu rapport dwar binhom minħabba li kienet qiegħda ssir vjolenza domestika fuqhom.
Fil-Qorti ntqal li fir-rapport li sar mill-ġenituri allegaw li binhom għandu l-vizzju tad-droga u ta’ kuljum jitlobhom il-flus biex jixtri s-sustanzi u semmiet kif matul l-aħħar sena tawh madwar €40,000.
Skont ir-rapport li sar mill-ġenituri, meta l-istess ġenituri kienu jirrifjutaw li jagħtuh il-flus biex jixtri d-droga kien qiegħed l-imputat kien jinfexx jheddidhom li se jaħraqhom ħajjin u lil ommu li kien se jitfagħha mill-gallarija għal isfel.
Il-Prosekuzzjoni qalet li l-ġenituri qed jgħixu magħluqin f’darhom minħabba l-biża’ li għandhom minn binhom. Intqal ukoll li l-imputat kien kiser kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu.
Hekk kif l-ispettur temm l-ispjegazzjoni lill-Qorti, l-imputat qam bilwieqafa fl-awla, ipponta subgħajh lejh u beda jgħajjat “Int x’int tgħid? Qiegħed tigdeb”.
Kien hawn li l-Maġistrat wissietu biex ma jitkellimx u qaltlu biex iħalli lill-avukat tiegħu jagħmel xogħlu bid-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
Hekk kif kienet se tintemm is-seduta, l-akkużat reġa’ qam bilwieqfa jgħajjat u qal li jrid jieħu passi kontra l-ispettur talli, skontu, gideb fuqu. Il-Maġistrat Grima sabitu ħati ta’ disprezz u mmultatu €500.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Christian Cauchi waqt li l-akkużat qed jiddefenduh l-Avukati Tyler Vella u Matthew Xuereb.
