Tħabbret il-mewt ta’ Victor Attard, eks fotografu tal-Union Press li miet fl-età ta’ 82 sena għall-ħabta tas-1.30am. Victor kien wieħed mill-fotografi li ħadem għal snin twal fil-kamra tal-aħbarijiet dak iż-żmien tal-Union Press. Huwa kien beda x-xogħol tiegħu fil-kamra tal-aħbarijiet wara li kien diġà f’dan il-qasam ma’ ġurnal ieħor lokali.
Victor kien magħruf bħala bniedem li dejjem għamel xogħlu bil-galbu u b’reqqa ġurnalistika. Huwa qatt ma kien jgħid le u dejjem kien jiġbed ritratti b’rilevanza sħiħa għall-istorja jew ir-rapport tal-ġurnalista.
Huwa se jibqa’ mfakkar mill-kollegi tiegħu fi ħdan il-kamra tal-aħbarijiet tal-Union Press għar-ritratt li kien ġibed tal-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-EgyptAir, b’daħna kbira ħierġa minu wara li kien ġie attakkat minn commandos Eġizzjani waqt il-hijack tal-1985 fl-Ajruport ta’ Ħal Luqa. Dan ir-ritratt baqa’ ikona u li dakinhar tal-ġrajja kien ixxandar mad-dinja kollha.
Il-funeral tiegħu se jsir nhar il-Ħamis, 9.15a.m. San Publiju l-Furjana.
