Tuesday, August 18, 2026
Home Kultura In-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta jew Mjlet?… storiku Ingliż jgħid li ‘meta...

In-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta jew Mjlet?… storiku Ingliż jgħid li ‘meta tara l-fatti nistgħu nkunu ċerti li seħħ f’Malta”

0
9

Fi ftit jiem oħra ir-raħal ta’ Ħal Safi se jiċċelebra l-festa tal-Konverzjoni ta’ San Pawl. Festa li tiċċelebra ġrajja ta’ qaddis li għandu rabta kbira ma’ pajjiżna u sar parti mill-identità tagħna.  Minkejja dan il-ġrajja ta’ San Pawl minn dejjem ħolqot diskussjoni u minn żmien għal żmien ħarġu għadd ta’ teoriji. 

Qegħdin nitkellmu fuq ġrajja li tissemma’ fl-Atti tal-Appostli u li hi marbuta ma’ pajjiżna. Leġġendi,  tradizzjonijiet, kappelli, niċeċ, postijiet imsemmija għal dan l-appostlu flimkien mal-letteratura u l-festi juru r-rabta li din il-ġrajja kellha ma’ pajjiżna. Ġrajja li rridu ngħidu, li kien hemm żmien meta beda jinġab argument li n-nawfraġju tal-ġifen li kien fuqu San Pawl ma seħħx f’Malta imma fi gżira li tinsab fl-Adrijatiku, Mjlet. 

L-istoriku Caleb Howells jidħol fl-istorja tan-nawfraġju… konferma oħra li m’hemm ebda dubju li nawfraġju seħħ f’Malta

Proprju ftit tax-xhur ilu, l-istoriku Caleb Howells tkellem dwar in-nawfraġju. Bħal storiċi oħra qablu, stħarreġ jekk in-nawfraġju ta’ San Pawl seħħx f’Malta jew Mjlet. Howells m’għandu bżonn ebda introduzzjoni u hu magħruf bħala storiku  b’interess qawwi fil-Brittanja tal-qedem u d-dinja Mediterranja.  Magħruf għall-investigazzjonijiet fuq miti u leġġendi.

Howells jiddikjara f’kitba li ppubblika li “hemm rakkont ta’ San Pawl li esperjenza nawfraġju drammatiku fi triqtu lejn Ruma u li hu msemmi fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli tal-Bibbja. Il-fehma tradizzjonali hija li l-gżira li wasal fiha kienet Malta, u hemm tradizzjonijiet lokali estensivi dwar Pawlu f’Malta llum. Madankollu, teorija alternattiva ssostni li mar fuq gżira kompletament differenti, liema gżira tinsab bejn l-Italja u l-Greċja.”

Howells jiddikjara li “dan ir-rakkont jinstab fil-kapitlu 27 tal-Ktieb tal-Atti. F’dan il-passaġġ jingħad li r-Rumani ħadu lil Pawlu bħala priġunier biex jidher quddiem Ċesari f’Ruma. Wara li esperjenzaw temp mhux favorevoli ħdejn il-kantuniera tal-Lbiċ tal-Anatolja, daru lejn in-nofsinhar u qasmu l-kosta tan-nofsinhar ta’ Kreta. Qabel ma waslu fil-port ta’ Phoenix tul dik il-kosta, bdiet tiżviluppa maltempata. Ir-rakkont jirreferi għal dan bħala l-‘Euraquilo’. 

Dan imbotta l-ġifen b’mod vjolenti barra mir-rotta lejn il-Lbiċ. Il-maltempata kompliet tħabbat il-ġifen għal 14-il jum u lejl. Fl-aħħar il-ġifen nkalja fi gżira. Pawlu u l-oħrajn qabżu l-baħar u għamu lejn ix-xatt. Fil-bidu tal-kapitlu 28, ir-rakkont jgħidilna li l-gżira kienet tissejjaħ Melite. Ħafna traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu dan bħala ‘Malta’, peress li Melite kien tabilħaqq l-isem antik għal Malta.”

Howells jirreferi għal dik li sejjaħ bħala teorija kontroversjali li tpoġġi n-nawfraġju ta’ Pawlu li seħħ mhux f’Malta iżda fuq gżira qrib il-Greċja.  Din il-gżira llum tissejjaħ Mjlet fil-Baħar Adrijatiku, eżatt barra l-kosta tal-Kroazja. Fi żminijiet antiki, kienet magħrufa bl-isem Grieg ta’ Melite, li jfisser “għasel,” simili għall-isem antik ta’ Malta. Għalhekk, ibbażat biss fuq l-isem, x’aktarx li hija l-gżira ta’ Pawlu daqs kemm hija Malta. Il-gżira ġiet deskritta għall-ewwel darba mill-esploratur Grieg tal-qedem Scylax ta’ Caryanda fis-6 seklu QK. F’żewġ testi, hi msemmija Melite, isem appoġġjat ukoll mill-awtur Grieg tal-qedem Apollonius ta’ Rodi. Matul is-sekli l-isem evolva biex sar l-isem Slav ta’  Mljet.”

L-istoriku Howells jiddikjara li “fir-rakkont tat-tempesta fuq il-baħar, il-Ktieb tal-Atti jiddikjara li l-ġifen ta’ Pawlu kien qed jiġi mitfugħ ’l hemm u ’l hawn fuq il-“Baħar ta’ Adria.” “Baħar Adrijatiku” tkun traduzzjoni oħra tal-isem.  Malta, naturalment, hija ’l bogħod ħafna mid-daħla tal-Baħar Adrijatiku, li hu l-baħar li llum hemm jinsab bejn l-Italja u l-Balkani. Mjlet, min-naħa l-oħra, taqbel perfettament ma’ dan il-post. Din hija waħda mill-evidenzai primarji li xi riċerkaturi jużaw biex jargumentaw li Malta ma tistax tkun il-post li fih seħħ in-nawfraġju.”

Il-Baħar Adrijatiku tal-qedem

L-istoriku jgħidilna li “din l-oġġezzjoni komuni għal Malta bħala s-sit tan-nawfraġju, tiflaħ għall-iskrutinju? Fi kliem sempliċi, ngħid li le. Ir-raġuni hija li l-espressjoni “Baħar ta’ Adria” jew “Baħar Adrijatiku” kellha applikazzjoni ferm aktar wiesa’ fl-Ewwel Seklu Wara Kristu. Il-ġeografi tal-qedem użaw dan it-terminu biex jindikaw iż-żona kbira ta’ baħar miftuħ bejn Kreta u Sqallija. 

Xi rekords jiddistingwu bejn din iż-żona ta’ ilma u l-Baħar Adrijatiku tal-lum billi jirreferu għal dan tal-aħħar bħala l-“Golf Adrijatiku”. Eżempju wieħed tal-użu aktar wiesgħa  tat-terminu “Baħar Adrijatiku” jidher fil-kitbiet ta’ Pausanias. Huwa kien ġeografu tat-Tieni Seklu WK. Pausanias ipprovda deskrizzjoni dettaljata tal-gżira ta’ Sqallija. 

Meta ddiskuta l-Istrett ta’ Messina, huwa nnota li naħa waħda tal-istrett tmiss mal-Baħar Tirren, filwaqt li l-oħra tmiss mal-Baħar Adrijatiku. Dan l-użu jirrikjedi li l-Baħar Adrijatiku jkun imur dritt sa Sqallija. Ħafna eżempji oħra ta’ użu bħal dan jidhru f’rekords antiki minn din l-era. Għalhekk, kien korrett li tirreferi għal Malta bħala li tinsab fil-Baħar ta’ Adria, jew il-Baħar Adrijatiku.”

Ir-rotta tal-ġifen ta’ Pawlu… ir-riħ ‘Euraquilo’…ifisser mil-Lvant għall-Grigal

Howells jiddikjara li “konsiderazzjoni mill-aktar importanti hi r-rotta tal-ġifen, li fuqha kien qed jivvjaġġa Pawlu. L-isem għar-riħ waqt li l-ġifen kien qed ibaħħar kien deskritt bħala ‘Euraquilo’. Dan jikkombina l-Grieg u l-Latin, u jirreferi speċifikament għal riħ mil-Lvant għall-Grigal. Il-maltempata kienet se tkun mexxiet il-ġifen lejn il-kosta tat-Tramuntana tal-Afrika mill-kosta tan-Nofsinhar ta’ Kreta. Dan jaqbel man-narrattiva, peress li jindika l-biża’ tal-ekwipaġġ li jegħrqu fis-Sirtis, reġjun magħruf għal baħar baxx bir-ramel u li jinsab bejn Cirene u Kartaġni.

Jgħid ċar u tond li “b’din id-direzzjoni ġenerali f’moħħna, huwa kompletament impossibbli li l-ġifen ivvjaġġa ’lfuq lejn il-Baħar Adrijatiku tal-lum fejn hemm  il-gżira ta’ Mjlet.”

Howells jgħid li “mill-banda l-oħra, Malta tagħmel sens ġeografiku perfett. Filwaqt li  tinsab fil-Punent ta’ Kreta aktar milli fil-Lbiċ, dan huwa konsistenti mal-fatti. L-ekwipaġġ kien qed jipprova jevita li jolqot is-Sirtis. Il-vapur kien ikun angolat biex iżomm direzzjoni lejn it-tramuntana kemm jista’ jkun, bit-tempesta primarjament timbottahom lejn il-Punent. Għalhekk, meta wieħed iqis il-fatti, nistgħu nkunu ċerti li Pawlu esperjenza nawfraġju f’Malta, mhux fil-gżira ta’ Mjlet” jiddikjara Howells.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here