Il-Bank of Valletta inawgura l-ewwel Home Finance Hub fil-Mosta, li huwa ċentru ddedikat għas-self tad-djar, bil-għan li jingħata servizz aħjar, iktar personalizzat u fuq kollox iktar mgħaġġel. Il-Hub jiġbor taħt saqaf wieħed speċjalisti fil-qasam tas-self tad-djar li jiggwidaw lill-klijenti mill-ewwel appuntament sal-approvazzjoni tas-self. Il-Hub itejjeb ukoll il-komunikazzjoni u finalment tingħata iktar ċarezza lill-klijent tul il-proċess kollu tal-applikazzjoni għas-self tad-djar.
L-inizjattiva ttieħdet sforz id-domanda kontinwa għas-self għad-djar, l-importanza ta’ dan il-prodott ewlieni fost il-prodotti tal-Bank, u s-sinifikat daqstant importanti fil-ħajja tal-klijenti meta dawn jaslu biex jixtru dar, partikolarment dawk li jkunu qed jixtru l-ewwel dar tagħhom. Il-Hub jipprovdi gwida dwar l-għażliet li jeżistu meta wieħed jiġi biex jiffinanzja daru.

L-ewwel Home Finance Hub tal-BOV infetaħ uffiċjalment fil-kumpless tal-PAMA mill-Kap Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia. Preżenti wkoll kien hemm id-Direttriċi Deborah Schembri, iċ-Chief Personal & Wealth Officer, Simon Azzopardi, u ċ-Chief Operations Officer, Ernest Agius. Il-Hub il-ġdid, li jinsab fl-istess sular taċ-Ċentru tal-Investiment tal-Mosta, jaqdi klijenti mir-reġjun tat-Tramuntana ta’ Malta. Speċjalisti fil-qasam tas-self tad-djar, fosthom analisti u impjegati li kienu jaqdu lill-klijenti mill-fergħat, issa qed jaħdmu minn dan il-Hub u jiffukaw b’mod dirett u effiċjenti fuq dan is-servizz.
Kenneth Farrugia qal, “Il-BOV diġà għandu propożizzjoni b’saħħitha fil-qasam tas-self għad-djar, b’rati tal-imgħax kompetittivi u firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet. Permezz tal-Hub u l-mudell il-ġdid, se nkunu qed intejbu parti oħra kruċjali mill-proċess: il-ħin biex nikkonkludu l-proċess. Meta wieħed jiġi biex jixtri dar, ma jkunx qed jieħu deċiżjoni faċli, u l-klijenti bir-raġun jistennew gwida u għarfien espert, ċarezza u fuq kollox proċess imħaffef. Għalhekk dawn il-Hubs se jservu biex intejbu l-esperjenza u nagħmluha iktar iffukata u konsistenti għall-klijenti tagħna.”
Min-naħa tiegħu, Simon Azzopardi rrimarka li “Il-mudell tal-Hub huwa parti importanti fl-approċċ kif naqdu lill-klijenti, għax qed intuhom iktar għażla ta’ kif ikomplu l-proċess tas-self tad-djar. Jistgħu jibdewh online, jagħmlu appuntament ma’ speċjalist u niltaqgħu magħhom hawnhekk fil-Hub, imbaghad jekk iridu jistgħu jkomplu l-proċess b’mod diġitali wkoll. L-għan tagħna hu li noffru lill-klijenti l-flessibilità ta’ kif jinteraġixxu magħna, mingħajr ma jitilfu l-gwida personali li tant hi bżonnjuża meta wieħed jiġi biex jiffinanzja daru.”

Id-Direttriċi tal-BOV, Deborah Schembri ferħet lil kull min kien involut biex dan il-proġett ingħata l-ħajja. Hija qalet li “Mill-perspettiva tal-Bord, din l-inizjattiva hija xhieda ta’ kif l-istrateġija tagħna tiġi trasformata f’azzjoni tanġibbli. Qed ninvestu mhux biss fil-prodotti u l-kapaċitajiet, iżda wkoll fil-kwalità tal-esperjenza li noffru lill-klijenti tagħna. Fl-ambjent li ngħixu fih illum, is-suċċess ma jiġix definit biss minn dak li noffru, iżda iktar u iktar minn kif noffruh. Fiduċja, trasparenza u rispons immedjat huma fatturi li jagħmlu d-differenza. Normalment permezz tas-self tad-djar, klijent jibda relazzjoni fit-tul mal-Bank. Għaldaqstant huwa essenzjali li ma kull interazzjoni mal-klijent, nirriflettu professjonalità, għarfien espert u gwida li għalihom il-Bank of Valletta huwa rinomat. Il-mudell ta’ Home Finance Hub ipoġġi dawk il-kwalitajiet fil-qalba tal-esperjenza tal-klijent.”
Il-ftuħ tal-Hub tal-Mosta jimmarka l-ewwel pass fil-fażi li jmiss tal-istrateġija tas-self għad-djar, billi jsaħħaħ il-mira tal-Bank li joffri prodotti kompetittivi, servizz iktar mgħaġġel u esperjenza iktar personali. Il-Bank se jkun qed jintroduċi tliet Home Finance Hubs oħra fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, sabiex iktar klijenti jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess esperjenza ta’ servizz.
