Friday, December 20, 2024

Fondazzjoni Kreattività tniedi t-tielet edizzjoni tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg

Aqra wkoll

Wara s-suċċess ta’ ŻiguŻajg Festival 2021, Spazju Kreattiv tniedi t-tielet edizzjoni tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg 2021 | 2022 b’avvenimenti għal tfal u żgħażagħ organizzati magħtul is-sena fl-2022 li jvarjaw fl-etajiet. Dan l-istaġun jiġbor fih kull forma ta’ arti kreattiva inklużi fost oħrajn il-mużika, iċ-ċinema, it-teatru, l-animazzjoni diġitali, żfin u rakkonti ta’ stejjer f’total ta’ ħmistax il-proġett differenti bl-involviment ta’ aktar minn 40 artist.

Rupert Cefai, iċ-Ċerman ta’ Fondazzjoni Kreattività tkellem dwar l-irwol tal-Fondazzjoni kif ukoll l-importanza ta’ ŻiguŻajg fil-kultura lokali.

“Il-mod kif aħna nħarsu lejn il-Fondazzjoni huwa dak ta’ ġenitur u l-proġetti tagħna bħala “ulied” li twieldu mill-imħabba u l-impenn tagħna lejn is-settur. Wild minn dawn huwa ŻiguŻajg, li sar wieħed mill-pilastri fil-kommunità lokali, pilastru fi produzzjonijiet ta’ kwalita għolja li huma mmirati lejn il-familji u l-udjenzi żgħar.” Cefai ikompli jisħaq li wara s-suċċess tal-Festival ta’ ŻiguŻajg, li jdum biss ġimgħatejn, u li għandu impatt kbir, bla dubju hija neċessità li nġibu entużjażmu u kreattività s-sena kollha matul dan l-Istaġun.

Id-Direttur Artistiku ta’ Spazju Kreattiv, Daniel Azzopardi, jesprimi li ŻiguŻajg huwa għall-familji biex igawdu flimkien.

“Hekk kif iseħħu l-festivals, l-istaġuni jirritornaw għal ŻiguŻajg. Huwa bi pjaċir kbir li nħabbru r-ritorn tal-Istaġun ta’ ŻiguŻajg għat-tielet sena konsekuttiva tiegħu. L-istaġun ta’ ŻiguŻajg, prodott bħala parti mill-programm ta’ Spazju Kreattiv, ġie żvilluppat b’mira prinċipali: il-preżentazzjoni ta’ inizjattivi kreattivi mmexxija mill-kwalità bit-tfal u ż-żgħażagħ fil-mira tagħhom is-sena kollha. U dan l-istaġun, irrelevanti mid-diffikultajiet, kburi li ngħid li t-tim ta’ ŻiguŻajg kompla l-konsolidazzjoni ta’ din il-mira, fejn tejjeb billi ħoloq programm ieħor b’saħħtu ta’ avvenimenti minn individwi kreattivi lokali u internazzjonali biex jitgawdew mit-tfal u l-familji tagħhom.”

L-Istaġun ta’ ŻiguŻajg se jsegwi l-Festival billi joħloq programm li jkun inklussiv, jiċċelebra d-diversità, jippromwovi l-professjonalizzazzjoni, u jimpenja ruħu ma’ suġġetti li huma pertinenti u topiċi. Reċentament, il-Festival ta’ ŻiguŻajg ingħata t-titlu ta’ ‘Autism Friendly Space’ bil-programm ta’ wirjiet ‘sensory-friendly’. Dan ix-xogħol se jkompli fl-Istaġun ta’ ŻiguŻajg biex jiġi aċċertat li b’mod ħolistiku ŻiguŻajg jsir ta’ kulħadd, għal kulħadd billi jaħdem ma’ kommunitajiet differenti biex jippromwovi l-inklussività fil-kommunità artistika.

Ekonomija

Sport