Wednesday, April 24, 2024

Irġiel lebsin il-maskra aktar attraenti f’għajnejn in-nisa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sa ftit tax-xhur ilu, persuna b’parti minn wiċċha mgħotti kienet iġġagħlek tħares lejha darbtejn.

Iżda skont studju ġdid li sar minn Università f’Cardiff irriżulta li persuna liebsa maskra, speċjalment jekk tkun surgical mask, tista’ tiġbed l-attenzjoni minħabba raġuni differenti.

F’dan l-istudju, għadd ta’ nisa ġew murija 40 wiċċ ta’ rġiel bejn it-18 u t-30 sena u li apparenza tagħhom tvarja bejn iż-żewġ estremitajiet ta’ attrazzjoni.

Kull wiċċ ġie muri fi stati differenti; b’partijiet mgħottija b’maskra tad-drapp, surgical mask, bi ktieb jew mikxuf għalkollox. 

It-43 mara li pparteċipaw ntalbu jikklassifikaw il-livell ta’ attrazzjoni ta’ kull wiċċ maskili f’kull stat ippreżentat lilhom minn wieħed sa għaxra.

Ir-riżultati wrew li l-uċuħ li l-aktar li għoġbu lill-parteċipanti kienu dawk mgħottijin b’surgical mask. Barra minn hekk, irriżulta wkoll li dawk lebsin maskra oħra xorta ġew klassifikati aħjar minn dawk li ma kinux lebsin maskra.

Il-persuna li mexxa l-istudju, Dr Michael Lewis, qal li din ir-riċerka saret biex ikun magħruf jekk il-pandemija bidlitx l-emozzjonijiet u l-attitudni fil-konfront tal-ilbies tal-maskri.

Studju simili sar fil-Ġappun lura fl-2016 u skont ir-riżultati kien instab li l-maskra tnaqqas l-attrazzjoni ta’ dak li jkun.

Iżda skont dan l-aħħar studju jidher li bħalma għamlet f’diversi setturi, il-pandemija affettwat ukoll dan l-aspett ta’ kif nidhru f’għajnejn xulxin.

Sport