Wednesday, April 24, 2024

L-MIA rikonoxxut għall-inklużjoni ta’ persuni fl-ispettru tal-awtiżmu

Aqra wkoll

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kien wieħed mill-ewwel stabbilimenti Maltin li rċieva t-tikketta ta’ kwalità ‘Autism Friendly Spaces’ waqt avveniment organizzat mill-NGO lokali Prisms f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD) u Aġenzija Żgħażagħ.

It-tikketta ta’ kwalità ‘Autism Friendly Spaces’ inħolqot fi ħdan programm usa’ ta’ inizjattivi, li huwa mmexxi minn Prisms bil-kontribut ta’ Autism Europe u numru ta’ entitajiet oħrajn, bil-għan li organizzazzjonijiet lokali jingħataw l-appoġġ meħtieġ sabiex jagħmlu spazji u esperjenzi ta’ kuljum aktar aċċessibbli għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ngħata dan l-akkreditament wara li ssodsifa numru ta’ kriterji, inkluża l-ħatra ta’ rappreżentanti minn fost it-tim sabiex jirċievu taħriġ apposta u jkunu l-ambaxxaturi tal-awtiżmu tal-kumpanija. Membri mill-organizzazzjoni Prisms u l-Autism Parents Association żaru wkoll l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta fejn evalwaw il-kwalità tas-servizz tal-iffaċilitar tal-vjaġġ mogħti mill-ajruport u raw li kien allinjat ma’ sett ta’ rakomandazzjonijiet sabiex l-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru tkun aktar inklussiva għal persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu.

“Ninsabu tassew kuntenti li l-ajruport tagħna huwa wieħed mill-ewwel spazji f’Malta li rċieva dan l-akkreditament, speċjalment meta tikkunsidra li dan huwa l-uniku ajruport tagħna u li hemm diversi raġuni għaliex in-nies isiefru, li jvarjaw mill-bżonn sa vaganza sabiex wieħed jaqta’ ftit mir-rutina. Nittamaw li l-istorja tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta tispira lil aktar kumpaniji u organizzazzjonijiet jieħdu l-pass li jmiss sabiex l-ispazji li jiġġestixxu u l-esperjenzi li jipprovdu jkunu aktar aċċessibbli għal persuni bl-awtiżmu,” qalet Margaret White, li hija youth worker mal-NGO Prisms.

“It-tnedija tal-Programm tal-Iffaċilitar Tal-Vjaġġ kienet immotivata mill-missjoni tagħna li nagħtu l-aqwa servizz possibbli lil kull passiġġier, biex b’hekk kulħadd ikollu esperjenza tajba fl-ajruport. Ir-rispons li rċevejna matul dawn l-aħħar tliet snin uriena kemm hi kbira d-differenza li qiegħed jagħmel dan is-servizz fil-ħajja ta’ persuni li jibbenefikaw minnu. Dan ir-rispons flimkien mat-tikketta ta’ kwalità li rċevejna llum ikomplu jimmotivawna naħdmu sabiex l-ajruport tagħna u l-ivvjaġġar bl-ajru jkomplu jsiru aċċessibbli għal dan is-segment tal-passiġġieri tagħna,” qal il-Maniġer tas-Servizzi tal-Konsumatur tal-MIA Thomas Abela.

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nieda l-Programm tal-Iffaċilitar tal-Vjaġġ fl-2018. Minn dakinhar ’l hawn membri tal-istaff imħarrġin apposta assistew lil aktar minn 500 persuna bl-awtiżmu. Permezz tas-servizz tal-iffaċilitar tal-vjaġġ, li jista’ jiġi bbukkjat hawnhekk, persuni fuq l-ispettru tal-awtiżmu jingħataw brazzuletta sabiex il-membri tal-istaff tal-ajruport jikkunsidraw il-bżonnijiet speċifiċi tagħhom fl-interazzjoni magħhom, ikunu akkumpanjati minn membru tal-istaff, u jingħataw aċċess għal spazju kalm.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett Autism Friendly Spaces, li huwa ffinanzjat mill-UE permezz tal-fond Erasmus+, tista’ tikklikkja hawnhekk jew tniżżel l-app bl-isem ta’ Autism Friendly Spaces.

Sport