Friday, May 17, 2024

Formula Wieħed: Christian Horner mhux ħati ta’ imġieba skorretta

Aqra wkoll

Il-kap tat-team tal-Formula Wieħed tar-Red Bull, Christian Horner, ma nstabx ħati wara investigazzjoni interna dwar l-imġieba tiegħu lejn kollega mara.

Dan wara li saru allegazzjonijiet ta’ mġieba mhux xierqa u ta’ kontroll mir-raġel ta’ 50 sena. 

“Red Bull hija kunfidenti li l-investigazzjoni kienet ġusta, rigoruża u imparzjali,” qal kelliem għall-kumpanija.

Horner, li ilu jmexxi Red Bull mill-2005, ċaħad l-allegazzjonijiet li nġiebu kontra tiegħu. 

Red Bull ma pprovdew l-ebda dettalji dwar l-allegazzjonijiet jew l-investigazzjoni.

L-istqarrija kienet tgħid: “Ir-rapport tal-investigazzjoni huwa kunfidenzjali u fih l-informazzjoni privata tal-partijiet u terzi li għenu fl-investigazzjoni, u għalhekk mhux se nkunu qed nikkummentaw aktar b’rispett lejn dawk kollha kkonċernati.

“Red Bull se tkompli tistinka biex tilħaq l-ogħla livelli fuq il-post tax-xogħol.”

Red Bull bdew investigazzjoni wara li, fil-5 ta’ dan l-istess xahar,  ħarġu dettalji tal-allegazzjonijiet.

Id-deċiżjoni tar-Red Bull, li wara laqgħa tal-bord tad-diretturi tal-kumpanija, waslet wara investigazzjoni ta’ tmien ġimgħat li saret pubblika kmieni dan ix-xahar.

Aktar kmieni nhar l-Erbgħa, fil-Grand Prix tal-Bahrain tal-ftuħ tal-istaġun, Lewis Hamilton qal li l-investigazzjoni kienet “mument tassew importanti biex niżguraw li nibqgħu leali għall-valuri tagħna”.

Is-seba’ darbiet champion tad-dinja żied jgħid: “Dejjem irridu nagħmlu aktar biex nippruvaw nagħmlu l-isport u l-ambjent li fih in-nies jaħdmu jħossuhom siguri u inklużivi, u kull allegazzjoni trid tittieħed bis-serjetà ħafna.

“Se jkun tassew interessanti li tara kif tiġi ttrattata u l-effett li jista’ jkollha fuq l-isport.”

Sport