Monday, April 29, 2024

Il-PM jgħid li se jieħu l-azzjonijiet kollha b’rieda tal-azzar

... Il-Parlament jiddiskuti r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-mewt ta’ Jean Paul Sofia

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dawk kollha li mhumiex serji f’dan is-settur iridu jifhmu li ma fadalx posthom. Min mhux lest li jtella’ l-istandards ‘l fuq irid ifittex xogħol ġdid minn għada. Ir-riforma trid tkun waħda li tħares u tpoġġi fuq quddiem l-interessi taċ-ċittadini. L-azzjonijiet li għandna neħdu se neħduhom kollha, u se neħduhom b’rieda tal-azzar. ”

Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta l-Parlament kien qed jiddiskuti r-rapport tal-Bord tal-Inkjesta li nħatar dwar l-inċident li seħħ nhar it-3 ta’ Diċembru 2022 fejn iġġarrfet binja waqt xogħol ta’ kostruzzjoni u ġiet ikkaġunata l-mewt ta’ Jean Paul Sofia. Preżenti għal din is-seduta kien hemm ukoll omm u missier Jean Paul.

Filwaqt li wera d-determinazzjoni tiegħu li ma jiddiżappuntawx fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika, il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern irid b’mod ċar iwettaq riforma ħolistika fis-settur tal-kostruzzjoni. Riforma li fiha nfisha trid tkun ukoll forma ta’ ġustizzja ma’ Jean Paul Sofia u mal-vittmi kollha tas-settur tal-kostruzzjoni.

Dr Abela semma kif mill-2002 sal-lum kellna 81 vittma ta’ inċidenti fatali tas-settur tal-kostruzzjoni. Hawn aċċenna li l-vittmi u l-persuni mhumiex numri, u li dan s-settur u ħajjiet in-nies żgur li mhumex lok ta’ xi propaganda politika.

Il-Prim Ministru sostna li l-inkjesta saret bl-aktar mod trasparenti fil-miftuħ, inkjesta li huwa stess ippubblika mal-mument li ġiet mgħoddija lilu. Waqt li nnota diversi aspetti tagħha, huwa ffoka l-aktar dwar il-mod kif se jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet elenkati fl-istess inkjesta.

“Prinċipju li nemmen li għandu jkun taħt l-implimentazzjoni ta’ kull rakkomandazzjoni. Il-ħtieġa li dan is-settur jopera fi standards li jekwiparaw mas-soċjetà tal-lum u huma dawk li s-soċjeta moderna tal-lum qiegħda tistenna li jkollna minn dan is-settur tant importanti,” qal il-Prim Ministru.

Huwa semma kif l-inkjesta kienet kritika dwar l-allokazzjoni tal-art, għalkemm ma kien hemm l-ebda ness bejn l-allokazzjoni u l-inċident tat-3 ta’ Diċembru fih innifsu. L-inkjesta rrikonoxxiet li saru numru ta’ bildiet leġiżlattivi li saru li jolqtu s-settur tal-kostruzzjoni filwaqt li dwar l-infurzar titkellem b’mod ċar li fadal ħafna xi jsir.

“Inħares lejn il-pubblikazzjoni tal-inkjesta bħala okkażjoni oħra fejn inkomplu nimbuttaw ‘il quddiem diversi bdliet li wħud minhom diġa’ bdew qabel illum il-ġurnata.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza tal-iskill cards u qal li jħares ‘il quddiem biex jinbeda l-proċess sabiex jiżdiedu l-ħiliet f’dan is-settur. Huwa qal ukoll li mhux se jkunu ttollerati sitwazzjonijiet ta’ tqaċċit jew tnaqqis tal-materjal l huwa meħtieġ.

Fl-istess ħin mhux se tkun ittollerata xi sitwazzjoni fejn ħaddiem irid jagħżel bejn li jaqla’ l-għajxien tiegħu b’mod onest jew li jissogra ħajtu. L-għajxien irid ikun hemm però daqstant ieħor il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurta.

“L-attitudni tal-ejja ħa mmorru u li kollox jgħaddi mhux se tiġi tollerata. Dan huwa l-messaġġ primarju li toħroġ mill-inkjesta u huwa l-messaġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li nkunu qed nagħmlu,” tenna l-Prim Ministru.

Sport