Thursday, July 24, 2025

Fr Brian Gialanze … juża l-puppets biex iwassal il-Messaġġ ħaj tal-Evanġelju 

Aqra wkoll

L-evanġelizzazzjoni llum il-ġurnata tinvolvi komunikazzjoni kreattiva u teknoloġija moderna biex twassal il-messaġġ tal-Vanġelu. Il-midja soċjali, il-podcasts, u l-filmati fuq l-internet huma mezzi importanti biex jintlaħqu l-qlub, speċjalment taż-żgħażagħ u t-tfal. L-għan hu li nwasslu mħabba, tama u verità f’dinja li teħtieġ direzzjoni spiritwali, fejn ħafna mid-drabi jitla’ aktar fil-wiċċ il-kaos u nħossuna mitlufa.

Tkellimna ma’ Fr Brian Gialanzè, dwar l-idea li fil-knisja li juża l-karattru ta’ Ġożi l-buffu, l-pupazzi, l-maġija u esperimenti biex iwassal il-mesaġġ tal-Evanġelju, u kif jimplimentaha biex il-messaġġ tal-Evanġelju jasal għand it-tfal b’mod li jifhmuh.

Huwa semma lil Dun Ġwann Bosco li kien jgħid, “trid tħobb dak li jħobbu t-tfal,” u l-ewwel idea kienet meta kont għadni qed nistudja s-Seminarju.  Fil-perjodu tas-sena barra, għamilt tliet xhur l-Art Imqaddsa, għand is-sorijiet ta’ Saint Vincent de Paule. Qabel ma’ tlaqt kont naf li dawn is-sorijiet  kellhom skola u kienu jieħdu ħsieb tfal żgħar, u kienet ġietni l-idea li nferrah  lil dawn it-tfal billi nieħu miegħi kostum u nilbes ta’ buffu.” Biss huwa jistqarr li meta kien żgħir kien jobgħodhom il-buffi.

Minn hemm beda jilbes ta’ buffu u jagħmel mudelli bil-bżieżaq biex iferraħ lil dawn it-tfal u miegħu kienu ngħaqdu wkoll volontiera, idoqqu l-kitarra u jagħmlu il- face painting. Meta mbagħad ġie Malta, kien hemm festin li jsir kull sena mill-RTK għat-tfal għall-familji fil-bżonn, u kien organizza ftit logħob għalihom, u s-sena ta’ wara kienet ġietu l-idea li jilbes ta’ buffu flimkien ma’ seminaristi oħrajn biex  iferraħ lil dawn it-tfal. Jirrakkonta kif f’wieħed minn dawn il-festini kien hemm l-Arċisqof Pawlu Cremona (qatt ma kien jonqos li jattendi) “u għandi ritratt verament sabiħ u għal qalbi ffirmat minnu qiegħed inbuslu jdejh u jiena liebes ta’ buffu waqt li kont qed inferraħ lil dawn it-tfal.”

Dak inhar, wara din l-attivita’ kien avviċinat minn persuna li ssuġġerielu biex juża dan il-karattru biex jevanġelizza “u ġietni l-idea li nagħmel il-proġett Clowning in Children’s Liturgy, il-buffu jevanġelizza. Kont ħdimt fuq din l-inizzjattiva ma’ tim ta’ katekisti fil-parroċċa ta’ Kristu Re Raħal Ġdid, u darba fix-xahar konna ninżlu fis-sala tal-parroċċa waqt quddiesa minnhom , u nispjegaw lit-tfal l-Evanġelju tal-Ħadd b’mod kreattiv.”

Wara l-Ordinazzjoni saċerdotali tiegħu kien beda jiġi mistieden biex jagħmel l-eżerċizzji għat-tfal fl-iskejjel “u bdejt inqassamhom fuq tliet sessjonijiet. Fit-tielet sessjoni kont nagħmel xow flimkien mal-ħabib tiegħi Glen li huwa magician. Konna naqbdu l-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa, u nibnuha mal-karattru ta’ Glen li huwa tifel imqareb u jiena l-buffu ħabib tiegħu u qed nipprova nkun il-kuxjenza għalih.  Għall-ewwel ma jaċċettax il-pariri li jagħtih buffu sakemm jispiċċa fl-inkwiet għax jeħel fl-eżamijiet, imma l-buffu jibqa’ jipprova jpoġġih fit-triq it-tajba.”

Jiftakar fi skeċċ li darba għamel Raħal Ġdid fi żmien l-Avvent, xi ġimgħa qabel il-Milied, fejn kien tefa’ d-dawl tal-knisja qabel il-Quddiesa, u waħda miż-żgħażagħ kellha laser u bdiet turi d-dawl u tirriflettih mal-art u l-ħitan tal-Knisja, u hu beda jipprova jaqbad dan id-dawl u jitla’ mal-ħitan u jiggranfa mal-kolonni. Meta wasal fuq l-artal b’nifsu maqtugħ, ta sinjal lis-sagristan biex jixgħel il-knisja u kif xegħel il-Knisja, fuq l-artal kien hemm xbieha ta’ Ġesù Bambin, u wassal il-messaġġ li issa li qed joqrob il-Milied, spiss  jiġrilna li biex inleħħqu mal-ġenn tal-festini, it-tiżjin, u x-xiri naslu b’nifisna maqtugħ għall-festa tal-persuna li għalih suppost qed niċċelebraw il-festa tal-Milied, li għandu jkun proprju  l-persuna ta’ Ġesù.

Fil-Ġublew tal-Fidi, “konna għamilna skeċċ l-Imdina tan-nagħġa l-mitlufa għall-Ġublew tat-tfal, u l-buffu jipprova jsib din in-nagħġa” li tirrappreżenta lil Kristu li jfittixna u jilqagħna u jfejjaqna fil-Knisja tiegħu. Fr Brian jistqar li kien meta beda jidħol aktar fil-fond tal-karattru tal-buffu li jevanġeliżża, kien ispirat mis-saċerdot Anglikan Roly Bain u l-Holy Fools. L-idea li nsibu f’San Pawl li nsiru ‘boloh’ għal Kristu, għax il-buffu bil-blugħat tiegħu iġiegħlek tirrefletti fuq misteri aktar profondi ta-fidi u l-ħajja. Il-buffu dar miegħi f’pajjiżi li fihom għamilt esperjenzi missjunarji.

Isemmi wkoll lill-Papa Benedittu XVI li fil-ktieb tiegħu Introduction to Christianity jirrakkonta aneddotu  tal-filosfu Soren Kierergard li jqabbel lill-knisja ma’ ċirklu, fejn tibda tinxtamm riħa ta’ ħruq u d-direttur induna li ċ-ċirku qed jaqbad u peress li kien is-sajf kien hemm iċ-ċans li jinħaraq mhux biss iċ-ċirklu iżda l-villaġġ ukoll, u jsib lill-buffu u jgħidlu biex imur fil-villaġġ tal-qrib javża lin-nies u jiġu għall-għajnuna, u l-buffu jmur liebes kif kien biex iqanqal lin-nies lin-nies, imma meta n-nies raw lil dan il-buffu, daħku bih għax ħasbu li kienet xi gimmick biex in-nies imorru ċ-ċirku, m’emmnuhx, ma mar ħadd, u spiċċa nħaraq iċ-ċirklu u l-villaġġ kollu.” Kierkegaard permezz ta’ din l-istorja ried jispjega kif jiġu trattati il-profeti li għandhom messaġġ ta’ tiġdid għall-knisja, il-profeti ta’ kull żmien li jħeġġu għal tiġdid fil-knisja. Kull Profeta jiġi mwaqqa’ għaċ-ċajt u ma jitwemminx bħalma l-buffu jiġi redikolat u ma jitwemminx wkoll.  Jaqa’ mal-art u n-nies jiddieħku bih, il-buffu li jdaħħak, jibki  u jbikki  bl-iskop “li jqanqal fik riflessjonijiet fuq il-veritajiet fuqna nfusna, iżda nibqgħu ma nisimgħux … dak buffu! u nġibu l-qerda fuqna nfusna”

Xi snin ilu ingħaqadt ma’ tim ta’ puppeteers u flimkien dorna ħafna skejjel speċjalment fir-Randan fejn għamilna eżerċizzi animati mill-buffu u l-puppets. Fi żmien il-pademija tal–COVID-19 ma’ dan it-tim bl-isem Ġupazzi ma waqafnhiex  anzi “konna nagħmlu filmati li kienu jiġu distribwiti ġol-iskejjel u fir-Randan nużaw l-awditorjum ta’ Sant’Agata fir-Rabat u l-iskejjel jistgħu jiġu hemm.” F’ Novembru 2023 ħadna sehem f’konvenju fl-Ingilterra għal dawk li jużaw dan it-tip ta’ evanġeliżżazzjoni bil-għajnuna tal-iSpiritual Development in Schools tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u bħal issa għaddej kors fuq dan il-qasam fl-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali.

Maż-żmien Fr Brian beda juża wkoll il-pupazzi u t-teknika tal-ventriloquism (teknika fejn il-pupazz jidher qed jitkellem meta fil-fatt ikun il-puppeteer li jkollu f’idu l-pupazz ikun qed jitkellem). Huwa spjega kif juża l-maġija (gospel magic) u esperimenti tax-xjenza biex jispjega l-liturġija lit-tfal, b’mod li “tattira lit-tfal u li tistimula l-immaġinazzjoni tat-tfal biex tispjega kunċetti astratti.” 

Iżda mhux l-iskop li t-tfal jeħlu mal-buffu jew mal-pupazz jew mal-maġija biss, iżda l-iskop hu li permezz ta’ dawn il-meżżi toħloq lingwaġġ biex twassal messaġġ li jinftiehem mit-tfal u l-kbar ukoll, kif Ġesù stess uża l-lingwaġġ u mezzi li setgħu jinftehmu minn nies ta’ żmienu biex juri min hu Alla għall-bniedem, il-bniedem fl-għajnejn ta’ Alla u l-imħabba t’Alla għall-bniedem u l-imħabba ta’ xulxin.” Dan hu l-iskop ta’ din l-evanġeliżżazzjoni kreattiva. 

Fr Brian huwa l-kappillan tal-parroċċa tal-Ibraġ u semma li l-quddiesa tal-Ħadd fl-9.45am hija animata b’mod speċjali għall-familji żgħażagħ u jkun hemm parteċipazzjoni sabiħa tat-tfal, quddiesa allegruża bl-għajnuna ta’ ħafna voluntiera żgħażagħ tal-parroċċa. Huwa qalilna li fl-omelija “nvarja, daqqa nuża l-gospel magic, daqqa l-pupazzi, ġieli xi esperimenti, fuq kollox biex inwasslu l-messaġġ ta’ fidi kif jifhmuh it-tfal u jqanqal il-qlub tal-kbar.”

Huwa wassal messaġġ għal kull min qed jitlef it-tama fil-ħajja, proprju kif din is-sena qed niċċelebraw il-Ġublew tat-Tama u qal li “dan il-Ġublew tat-Tama għandu jfakkarna li l-Knisja hija dik l-omm ħanina li takkumpanja lil uliedha.  Knisja li fiha għandna nitħeġġu bi spirtu li nakkumpanjaw lil xulxin fil-komunitajiet tagħna, b’mod speċjali fejn hemm ħafna qlub maqsuma ta’ dawk li jinsabu fil-periferiji tas-soċjeta tagħna.” 

Ikkonkluda billi qal li “għandna bżonn ngħinu lit-tfal iduqu il-ferħ tal-fidi tagħna, hemm bżonn nuru li t-tfal huma sinjal ta’ tama għad-dinja tagħna u li hija responsabilta’ tagħna li nagħmlu dinja sabiħa għal dawn it-tfal li huma l-għeżież ta’ Kristu. F’soċjeta fejn spiss inħossu li il-ferħ tal-ħajja qed jinsteraq, għandna nkunu Knisja li tnissel tbissima ta’ tama fuq fomm dawk l-uċuh li jmissu mal-ħajja tagħna, ngħinuhom iduqu il-ferħ ta’ Kristu, innislu  fihom il-ferħ tal-Evanġelju.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport