Saturday, December 21, 2024

FRAMMENTAT

Aqra wkoll

L-ippjanar ekonomiku u soċjali kif konna nafuh snin ilu, m’għadux isir. F’ekonomija tas-suq igħidulna, m’għadux possibbli li tippjana. Imma kull min qiegħed imexxi sistema politika… jew anke impriża kbira… irid jgħid xinhuma l-għanijiet tiegħu/tagħha u kif dawn se jintlaħqu.

Fl-Unjoni Ewropea daħlet id-drawwa li settur settur jiġi mmuntati strateġiji b’miri kultant dettaljati. B’hekk insibu proġetti bħall-Green Deal, l-unjoni tas-swieq kapitali, l-unjoni bankarja, u oħrajn, bħal dan l-aħħar fil-politika ta’ difiża. Għal uħud minnhom jitpoġġew miri u kalendarji preċiżi. Ġieli jintlaħqu sew, bħal fil-ġlieda kontra l-Covid; ġieli jintlaħqu hekk u hekk, bħal fl-ambjent; u ġieli ftit li xejn, bħal fl-għaqda tas-swieq kapitali.

Sadattant m’hemmx ħsieb wieħed dwar kif jorbtu kollha flimkien. Jipprovaw jinġabu f’koerenza bejniethom fil-qafas tal-baġits ta’ kull sena tal-Unjoni, u f’dak li jpoġġi qafas baġitarju għal medda ta’ seba’, ġieli ħames snin. Fir-realtà l-ippjanar Ewropew baqa’ frammentat.

MUDELL

Il-mudell ta’ tmexxija governattiva fi ħdan koalizzjoni deher għal snin twal bħala ideali għall-Ewropa. Fuq quddiem nett, dak li kien isir fil-Ġermanja kien jintuża bħala xempju ta’ kif fil-kompromessi li partiti mdaħħla f’koalizzjoni jkollhom jagħmlu bejniethom jinstab bilanċ moderat u effettiv għat-tmexxija. Hi ħaġa dubjuża kemm dan l-argument jista’ jintuża għall-koalizzjoni ta’ gvern li għadha kemm spiċċat f’dak il-pajjiż. Kemm damet teżisti, ħlief stejjer dwar id-diżgwid bejn is-sħab fil-koalizzjoni ma kienx hemm.

Sadattant, il-koalizzjoni tal-lemin iffurmata fl-Italja fl-aħħar sentejn tidher stabbli sew. Mhux l-istess jista’ jingħad għal dik fi Franza li minkejja li hi minoritarja u teħtieġ dixxiplina stretta biex tibqa’ koerenti, ma tidhirx li tista’ żżomm linja dritta. Li jeżisti xi mudell ta’ gvern li jibqa’ l-“aħjar” wieħed għal “dejjem” tibqa’ kimera.

KONTROLL

Wara r-rebħa tal-elezzjonijiet presidenzjali, il-kamp ta’ Donald Trump jidher aktar imħejji biex jaqbad f’idejh ir-riedni tal-gvern milli kien meta Trump rebaħ l-elezzjoni tal-2016. Ittieħdu passi deċiżivi b’nomini li saru għal ħatriet ewlenin ta’ nies li jafu xi jridu jagħmlu u kif (taħseb x’taħseb dwar l-intenzjonijiet u l-ideoloġiji tagħhom).

Jekk Trump isegwi l-pariri li tawh tal-Heritage Foundation, l-aqwa istituzzjoni Amerikana li tħaddan fehmiet tal-lemin-lemin (biex ma ngħidx estrem), il-priorità tiegħu għandha tkun dik li jieħu kontroll sħiħ tal-amministrazzjoni federali Amerikana. Diffiċli tifhem kif dan jista’ jsir mingħajr ma tinħoloq kriżi istituzzjonali oħra fl-Istati Uniti. Il-korpi federali l-kbar li Trump irid jikkontrolla għandhom storja amminstrattiva twila fejn fittxew li jrażżnu l-ħidma ta’ president jew ieħor li ħabat se joħroġ barra mill-qafas tradizzjonali ta’ kif isiru l-affarijiet.

Ekonomija

Sport