Sunday, December 22, 2024

FRANZA

Aqra wkoll

Għalkemm mistennija, ir-rebħa tar-Rassemblement National (RN), il-partit tal-lemin estrem fi Franza, qajmet ferment kbir fill-pajjiż. Għall-ewwel darba taħt il-Ħames Republika, dal-partit għandu ċans tajjeb li jieħu f’idejh it-tmexxija tal-gvern. Biss Jordan Bardella li hu l-kandidat ewlieni tar-RN għamilha ċara li jidħol għat-tmexxija biss jekk ikollu maġġoranza assoluta fil-Parlament li qed jiġi vvotat. Jekk dan hux se jiġri, jsir magħruf wara li jkun inżamm it-tieni rawnd tal-elezzjonijiet.  

Il-partiti l-oħra jistgħu jiftehmu (kif ġara fl-imgħoddi) biex iċedu l-kandidaturi tagħhom f’kostitwenzi fejn bil-voti tagħhom magħquda, kandidati tar-RN jisfaw megħluba. Jekk ikun hemm biżżejjed kostitwenzi fejn dan isir, l-ebda formazzjoni politika ma tispiċċa b’maġġoranza assoluta.

F’din iċ-ċrkostanza, kif se jitmexxa l-pajjiż? Marine Le Pen, il-mexxejja tar-RN qalet li l-President Macron ikollu jirriżenja. Hu diġà għamilha ċara li mhux se jagħmel hekk għax se jkompli sal-aħħar bil-mandat tiegħu ta’ ħames snin. Macron ssorprenda lil kulħadd meta sejjaħ dawn l-elezzjonijiet maħsuba biex jiċċaraw is-sitwazzjoni politika wara li ħarġu r-riżultati tal-elezzjonjiet Ewropej. Minflok iċċarat, jidher li s-sitwazzjoni aktar iċċajpret.

BIDEN

Wara d-dibattitu bejn Donald Trump u Joe Biden l-ġimgħa li għaddiet, ftit jibqa’ lok għal dubju. Biden mhuwiex f’pożizzjoni biex isostni għal erba’ snin oħra d-doveri ta’ President tal-Istati Uniti, jekk jirbaħ l-elezzjoni ta’ Novembru. Filfatt is-sogru hu kbir li anke jitlef l-elezzjoni u l-Istati Uniti jispiċċaw immexxija minn Trump.

Kieku dan kien xi Eisenhower jew anke xi Bush jew anke anke xi Nixon, ftit kien ikun hemm biża’ li l-Amerika titlef il-boxxla.  Bi Trump, politiku li jinqala’ l-aktar biex jigdeb, jibblaffja u jhedded, dal-biża’ hu lampanti. 

Il-periklu hu doppju: li jirbaħ Trump; u li jekk jitlef, l-Istati Uiti jitgħabbew bi President nieqes mill-kapaċitajiet meħtieġa biex imexxi tassew

ILMA TAĦT L-ART

Kemm ilna niddependu mill-impjanti li jibdlu l-ilma baħar f’ilma “ħelu” naqset sew, talanqas b’mod publiku, l-attenzjoni li konna nagħtu lill-ilma li jinġabar “taħt l-art”. Konna nisimgħu twissijiet dwar kif jekk ma jitrażżanx il-konsum tal-ilma maħżun, se nispiċċaw nifqgħu l-akwifer naturali fejn dan l-ilma jinġabar.

Dak iż-żmien diġà, kontra l-liġi imma fi prattika mifruxa, sidien privati kienu jagħmlu t-toqob tagħhom fl-art u jiġbdu l-ilma għal użu agrikolu u aktar. Dil-prattika baqgħet tinfirex u llum, sa fejn naf jien, tinsab għaddejja b’mod ħieles. Kull gvern qies li hu politikament wisq perikoluż li jipprova jirrimedja s-sitwazzjoni.

Sadattant, smajna anqas u anqas dwar il-qagħda tal-akwifers, jekk sal-lum meta l-popolazzjoni żdiedet b’rata aċċellerata, marritx għall-aħjar matul is-snin jew għall-agħar.  

Ekonomija

Sport