Wara aktar minn seba ġimgħat mit-tieni rawnd tal-elezzjonijiet parlamentari, Franza għadha mingħajr gvern stabbli billi l-President Franċiż Emmanuel Macron ma jridx gvern immexxi mill-alleanza tax-xellug tal-Front Popolari Ġid (NFP). Dan minkiejja li l-NFP rebaħ l-aktar siġġijiet fl-elezzjoni leġiżlattiva ta’ Lulju li għadda.
Macron qal li Franza teħtieġ stabbiltà istituzzjonali u x-xellug ma jistax jirbaħ vot ta’ fiduċja fil-parlament. L-NFP ressaq lill-impjegata taċ-ċivil relattivament mhux magħrufa Lucie Castets bħala l-kandidat għall-kariga ta’ Prim Ministru, bi tweġiba għal protesti fit-toroq kontra Macron.
Il-President Macron, li jmexxi l-alleanza ċ-ċentristi li sofriet telfa fit-tieni rawnd f’Lulju, se jibda konsultazzjonijiet ġodda mal-mexxejja tal-partiti, u ħeġġeġ lix-xellug biex jikkoopera ma’ forzi politiċi oħra.
L-ebda grupp politiku ma kiseb maġġoranza fl-elezzjonijiet. B’hekk il-parlament baqa’ mdendel. Minn dakinhar Franza bdiet titmexxa minn gvern provviżorju, inkluż waqt l-Olimpjadi ta’ Pariġi li għadhom kif saru.
Macron ilu jagħmel taħditiet dwar gvern ġdid mill-elezzjoni, u qal li se jkompli jagħmel dan. Huwa enfasizza li r-responsabbiltà tiegħu hija li l-pajjiż ma jkunx imblukkat u lanqas mdgħajjef.
Il-President Franċiż ġie rappurtat li qal ukoll li l-Partit Soċjalista, il-Ħodor u l-Komunisti għadhom ma pproponewx modi kif jikkoperaw ma’ forzi politiċi oħra u issa huwa f’idejhom li jagħmlu dan.
Il-moviment tax-xellug estrem France Unbowed (LFI) irreaġixxiet b’rabja għal kliem ta’ Macron bil-kordinatur nazzjonali Manuel Bompard jiddeskrivihom bħala kolp ta’ stat anti-demokratiku inaċċettabbli.
Il-Mexxej Komunista Fabien Roussel qal li Macron kien se joħloq kriżi serja fil-pajjiż, filwaqt li l-Kap tal-Ħodor Marine Tondelier qalet fuq is-sit X li tliet kwarti tal-poplu Franċiż ried waqfa mill-politika Makronista.
Il-koalizzjoni tax-xellug irrifjutat li tieħu sehem fi kwalunkwe konsultazzjoni futuri sakemm ma tiġix diskussa l-kandidatura ta’ Castets għal Prim Ministru. Madankollu, l-kandidata tal-NFP, l-ekonomista ta’ 37 sena hi meqjusa bħala għażla improbabbli għal Macron. Kemm Ensemble kif ukoll RN wegħdu li jivvotaw kontra tagħha.
Wara laqgħat ta’ taħdidiet ma’ Macron nhar it-Tnejn, il-mexxejja tal-RN Marine le Pen u Jordan Bardella ddeskrivew l-NFP bħala “periklu” għal Franza.
Fost ismijiet oħra diskussi fiċ-ċrieki politiċi hemm l-eks Ministru tal-Intern Soċjalista Bernard Cazeneuve u Xavier Bertrand, li huwa mexxej reġjonali mir-Repubblikani taċ-ċentru-lemin.
L-alleanza tax-xellug kienet kisbet 188 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali, skont riżultati uffiċjali. L-alleanza ċentrista tal-President Emmanuel Macron kisbet 161 siġġu u r-Rally Nazzjonali (RN) tal-lemin estrem u l-alleati tiegħu, li rebħu b’marġni ċar fl-ewwel rawnd, ġew fit-tielet post b’142 siġġu.
Dawn ir-riżultati fissru li l-ebda partit ma kiseb il-289 siġġu meħtieġa għal maġġoranza ġenerali fl-assemblea ta’ 577 siġġu.