Friday, May 17, 2024

Franza tħabbar aktar miżuri stretti fost tħassib dwar l-Omicron

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Franza ħabbret miżuri aktar stretti kontra l-Covid-19 fost tħassib dwar il-varjant il-ġdid Omicron. 

Mit-3 ta’ Jannar, ix-xogħol mid-dar se jsir obbligatorju għal dawk li jistgħu jagħmlu dan, u l-laqgħat pubbliċi se jkunu limitati sa 2,000 ruħ għal avvenimenti fuq ġewwa.

Il-miżuri l-ġodda jinkludu wkoll limiti fuq ġemgħat pubbliċi fil-beraħ – sa 5,000 ruħ. Se jkun hemm ukoll projbizzjoni fuq l-ikel u x-xorb fuq it-trasport għal distanzi twal. 

In-nightclubs se jibqgħu magħluqin mentri bars u ħwienet tal-kafè jistgħu jipprovdu servizz biss mal-mejda. Impjegat li jaħdmu mid-dar se jkollhom jagħmlu dan minn tal-inqas tlett ijiem fil-ġimgħa. L-ilbies tal-maskra se jsir obbligatorju fiċ-ċentri tal-bliet.

Minkejja dan, il-Prim Ministru Franċiż ma mponiex curfew għal lejlet l-ewwel tas-sena. L-iskejjel se jiftħu kif ippjanat nhar it-Tnejn 3 ta’ Jannar. 

Dawn il-miżuri tħabbru hekk kif fi Franza ġew irreġistrati aktar minn 100,000 infezzjoni ġdida nhar is-Sibt – l-ogħla numru rappurtat fil-pajjiż minn mindu bdiet il-pandemija.

Sadanittant, pajjiżi oħra Ewropej ħabbru wkoll iżjed restrizzjonijiet fosthom fil-Ġermanja fejn il-laqgħat privati ta’ nies imlaqqma se jkunu limitati għal massimu ta’ 10 persuni. Dan filwaqt li gyms, pixxini, nightclubs u swali taċ-ċinema jinsabu magħluqa għall-pubbliku f’diversi stati.

Minn nhar it-Tnejn li ġej, fil-Greċja, bars u ristoranti se jkollhom jagħlqu f’nofsilljel u l-imwejjed se jkunu limitati għal sitt klijenti. Fid-Danimarka, ġew magħluqa attrazzjonijiet kulturali u saru wkoll limitazzjonijiet fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-bars u r-ristoranti. 

Sport