Tuesday, October 6, 2026
Home Internazzjonali Franza tħejji għal aktar protesti fl-iskejjel

Franza tħejji għal aktar protesti fl-iskejjel

0
54

Franza bdiet tħejji lilha nnifisha għal aktar protesti kbar u mxerrda, wara li l-organizzaturi sejħu għal jum ta’ azzjoni nazzjonali b’appoġġ għall-istudenti fl-iskejjel sekondarji li qed jitolbu aktar investiment fl-edukazzjoni. Franza qed tipprepara għal dawn il-protesti wara ġimgħa ta’ dimostrazzjonijiet li matulhom l-istudenti mblokkaw mijiet ta’ skejjel u mill-inqas 190 student sfaw midruba u aktar minn 5,000 persuna ġew arrestati.

Il-Prim Ministru ta’ Franza Sebastien Lecornu qal li l-gvern ħabbar miżuri biex jindirizza t-talbiet tal-istudentio, iżda l-Union Syndicale Lycéenne (USL), organizzatur ewlieni tal-protesti, qalet li l-gvern ma offra xejn konkret.

Xi organizzazzjonijiet oħra wkoll taw l-appoġġ tagħhom għall-istudenti, bil-unjin tal-għalliema SNES-FSU tħeġġeġ lill-membri tagħha biex jingħaqdu mal-protesta.

Il-mexxej tal-partit tax-xellug radikali “La France Insoumise” (LFI), Jean-Luc Mélenchon, iddeskriva l-protesti bħala l-aktar moviment b’saħħtu ta’ studenti tal-iskejjel sekondarji u universitajiet mill-1968 ‘l hawn li kienet sena ta’ taqlib kbir li fiha miljuni ta’ ħaddiema ħarġu fi strajk.

Il-mewġa ta’ dimostrazzjonijiet u protesti ta’ bħalissa bdiet f’Settembru f’Pariġi u nfirxet mal-pajjiż kollu, bi studenti jipprotestaw dwar diversi kwistjonijiet, fosthom klassijiet iffullati żżejjed, bini fi stat ħażin u nuqqas ta’ għalliema.

Nhar il-Ħadd, il-Prim Ministru Franċiż Sébastien Lecornu ħabbar serje ta’ miżuri biex “jindirizzaw id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-istudenti tal-iskejjel sekondarji u l-istaff tal-edukazzjoni”, filwaqt li wiegħed “bidliet viżibbli” fl-iskejjel. Madankollu, qal ukoll li l-gvern mhux se jagħmel konċessjonijiet għall-vjolenza. 

L-inkwiet mhux biss ra skejjel imblukkati, iżda wkoll kontenituri taż-żibel maħruqa. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Édouard Geffray qal li 24 skola ġew “maħruqa u mħassra” mill-bidu tal-protesti.

Ġied vjolenti bejn l-istudenti u l-pulizija wassal għal xi korrimenti serji matul il-protesti s’issa. Nhar it-Tnejn, tifel ta’ 15-il sena tilef id waħda fi splużjoni waqt konfront qrib skola fil-belt ta’ Lens, fit-tramuntana tal-pajjiż. L-istudent ittieħed fi sptar fil-viċin u, skont l-awtoritajiet, il-ġrieħi tiegħu mhumiex ta’ periklu għal ħajtu.

Skont il-Ministeru tal-Ġstizzja ta’ Franza, fost il-5,060 persuna li ġew arrestati mill-bidu tal-protesti u d-dimostrazzjonijiet, 87% kienu taħt l-eta u 13% kienu adulti.

Rapporti jindikaw li erbatax-il persuna tpoġġew f’detenzjoni qabel il-proċess, filwaqt li 1,802 persuna qed jiffaċċjaw proċeduri legali, inklużi 319-il adult u 1,483 minuri.

Għalkemm għad fadal xhur sħaħ sal-elezzjoni presidenzjali li jmiss fi Franza, il-protesti u r-reazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi ġew politiċizzati bil-kbir. Il-gvern u politiċi tal-lemin estrem akkużaw lill-partiti tax-xellug estrem li qed iħeġġu dawn il-protesti.

Il-mexxejja tal-partit tal-lemin estrem National Rally, Marine Le Pen, ukoll ikkritikat lix-xellug għar-reazzjoni tiegħu u qalet li dawn l-irvellijiet huma organizzati minn professjonisti u sorveljati minn deputati tal-LFI filwaqt li appellat biex tiġi approvata liġi ġdida kontra l-irvellijiet.

Sadanittant, Mélenchon – il-kandidat presidenzjali tal-partit LFI – akkuża lill-pulizija b’abbużi tal-poter u ħeġġeġ lin-nies joħorġu fit-toroq biex jipproteġu d-dimostrazzjonijiet taż-żgħażagħ.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here