Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Jonathan Attard żar u indirizza esibizzjoni mtella’ minn SACES, l-organizzazzjoni studenteska tal-istudenti tal-Arkitettura li tifforma parti mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni.
Il-Ministru Attard sostna li huwa ta’ sodisfazzjon li bħala Ministeru u kif ukoll bħala Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), jikkollaboraw u jkunu ta’ sostenn għal dawn l-istudenti biex jorganizzaw din l-Expo Annwali bl-aqwa xogħlijiet tagħhom.
“Din l-Expo qiegħda tittella’ f’mument importanti fis-settur, fejn qiegħda tiġi konkluża l-ħidma inizjali marbuta mal-ewwel Kodiċi tal-Bini, żvilupp importanti fis-settur u li ċertament se jkun qiegħed jagħmel differenza f’dan il-qasam,” ħabbar il-Ministru Attard filwaqt li tkellem dwar id-djalogu kontinwu mal-Kamra tal-Periti u ma’ diversi msieħba oħra fis-settur.
Il-Ministru Attard tkellem dwar sensiela sħiħa ta’ riformi mwettqa fl-aħħar snin bil-għan li s-settur f’pajjiżna jimxi lejn standards ogħla. Tkellem fost l-oħrajn dwar regolamenti ġodda ta’ Saħħa u Sigurtà f’siti tal-kostruzzjoni, tisħiħ fl-infurzar anke bi ftehim bejn l-OHSA u l-BCA fejn jidħlu spezzjonijiet konġunti, liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi u l-ħidma li għaddejja biex fix-xhur li ġejjin kull ħaddiem fis-settur ikollu Skills Card.
“Fl-ewwel 100 jum impenjajna ruħna wkoll fuq ir-riforma tal-Appelli tal-Ippjanar u kif ukoll fit-tnedija ta’ servizz ġdid ta’ assistenza finanzjarja lil dawk affettwati mill-kostruzzjoni. Inħeġġeġ mhux biss lill-professjonisti fis-settur, iżda wkoll lill-istudenti biex ikunu parteċipi fil-konsultazzjonijiet pubbliċi li se jsiru dwar aktar riformi fis-settur. Dan għaliex dawn ir-riformi se jkunu qed jiddeterminaw il-mod kif se jkun qed jaħdem is-settur fiż-żmien li ġej,” saħaq il-Ministru Attard.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BCA, il-Perit Roderick Bonnici, tkellem dwar l-impenn tal-awtorità li tappoġġja lill-istudenti, kemm fl-istudji tagħhom kif ukoll f’inizjattivi bħall-Expo li din is-sena qed tkun ospitata fl-uffiċini tal-Awtorità.
Il-President tas-SACES Rui Zammit irringrazzja lill-istudenti, kemm dawk li qed jiġi esebit ix-xogħol tagħhom kif ukoll studenti oħra, għall-ħidma tagħhom f’dawn is-snin.
Minn naħa tiegħu d-Dekan tal-Fakultà, il-Prof. Marc Bonello, qal li jinsab verament kburi li l-istudenti reġgħu għal sena oħra tellgħu esibizzjoni oħra fejn qegħdin juru x-xogħol tagħhom matul is-sena minn tliet korsijiet differenti; id-Diploma in Design Foundation Studies, il-BSc in Built Environment Studies u l-Master of Engineering u Master in Architecture. Saħaq li din l-esibizzjoni tixhed spettru wiesgħa ta’ proġetti u ħeġġeġ lill-pubbliku biex iżur dawn ix-xogħlijiet fil-jiem li ġejjin.
Preżenti għall-ftuħ tal-esibizzjoni kien hemm madwar 100 student tal-arkitettura akkumpanjati minn ġenituri u persuni għeżież għalihom f’dan il-vjaġġ edukattiv.
L-esibizzjoni se tibqa’ miftuħa għall-pubbliku sal-Ġimgħa 16 ta’ Ottubru fil-binja tal-BCA Spencer Hill, The Exchange, il-Marsa. Għal aktar informazzjoni żur il-paġni uffiċjali tal-midja soċjali ta’ SACES jew is-sit sacesmalta.com.

