Sunday, June 21, 2026

Franza tipprojbixxi l-konsum tal-alkoħol f’festivals tal-mużika minħabba sħana tremenda

Aqra wkoll

Franza pprojbiet il-konsum tal-alkoħol f’xi avvenimenti waqt festival nazzjonali kbir tal-mużika hekk kif mewġa ta’ sħana qed twassal biex it-temperaturi jilħqu livelli rekord.

Iċ-ċelebrazzjonijiet annwali tal-Fête de la Musique jiġbdu miljuni ta’ nies fit-toroq, iżda minħabba li nħarġu l-aktar twissijiet serji ta’ mewġa ta’ sħana f’35 dipartiment ta’ Franza, il-Gvern ipprojbixxa l-konsum tal-alkoħol f’postijiet pubbliċi taħt “twissijiet ħomor”. 

“Għall-avvenimenti kollha organizzati mill-istat u l-aġenziji tiegħu, ingħataw istruzzjonijiet biex ma jiġix offrut alkoħol,” intqal fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru Sébastien Lecornu.

It-temperaturi huma mbassra li jilħqu l-ogħla livelli tagħhom it-Tnejn, u l-awtoritajiet wissew li jistgħu jilħqu saħansitra l-livelli rekords li kienu rreġistrati fil-pajjiż.

Il-Gvern appella biex jiġi limitat il-konsum tal-alkoħol “sabiex jiġu ppreservati s-servizzi tal-emerġenza u tal-kura tas-saħħa u biex l-istaff mediku jkun jista’ jiffoka fuq il-kura tal-aktar persuni vulnerabbli”.

Il-mewġa ta’ sħana ilha għaddejja għal diversi jiem u ħolqot tfixkil fil-pajjiż fejn wasslet biex ikunu kkanċellati għexieren ta’ vjaġġi bil-ferrovija kif ukoll ġew sospiżi l-lezzjonijiet fl-iskejjel.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport