Hekk kif l-ismijiet rinomati fil-produzzjonijiet tal-films jaslu Malta għal Mediterrane Film Festival, il-Kummissarju tal-Films Johann Grech jitkellem mat-Torċa fuq ir-rekord ekonomiku ta’ aktar minn €1.5 biljun li ħalliet l-industrija, l-eluf ta’ Maltin li llum jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-films, u l-ewwel Super Stage fid-dinja li jgħaqqad l-art mal-baħar.
Snin ilu, min kif jaħdem fil-qasam tal-films f’Malta kien iżomm dejjem xogħol ieħor fil-ġenb għal meta ma jkunx hawn xogħol fil-films.
Ħadd ma seta’ jorbot il-karriera mal-films biss għax ix-xogħol kien jiġi f’daqqiet, marbut ma’ xi produzzjoni kbira waħda, imbagħad jinxef għal żmien twil.
Wara sena bi ftit xogħol kont tistenna oħra vojta, u kien hemm min jidħol u joħroġ mill-industrija tal-films għax ħadd ma seta’ jwegħdu li hemm karriera tistennieh. Garanzija ta’ introjtu għal ħaddiema tal-films ma kienx hawn.
L-affarijiet inbidlu illum.

Tul l-aħħar disa’ snin, Malta saret waħda mill-postijiet l-aktar imfittxija fl-Ewropa biex tiffilmja, b’kalendarju mimli produzzjonijiet internazzjonali.
Pakkett ta’ inċentivi b’saħħtu għamel dan possibli, iżda hemm elementi oħra kruċjali biex dan iseħħ bħal kwalita’ tal-crew u t-temp favorevoli tal-pajjiż. Magħħom hemm l-enerġija bla waqfien tal-ħidma tal-Kummissarju tal-Films Johann Grech li minkejja it-triq tiegħu dejjem kienet għat-tela’ bi tfixkil partiġġjan matul is-snin baqa’ għaddej jaħdem biex iġib lejn pajjiżna l-aqwa ismijiet fil-produzzjonijiet tal-films u ħoloq ħafna jobs għall-Maltin.
Il-mistoqsija illum mhux minn ġej jaħdem f’Malta, imma liema mill-istudios kbar bħal Netflix, Apple, Paramount, Universal Pictures u Amazon ma ħadimx.
Ir-risposta hija li kollha kellhom xi serje jew film miġbud Malta riċentement. Uħud minnhom jaħdmu serje, u jibdew oħra eżatt wara.
Il-bidla fil-ħsieb qed tħalli riżultati tanġibbli.
Ridley Scott għażel li jerġa’ lura f’Malta wara kważi kwart ta’ seklu mill-ewwel Gladiator, fejn ħadem “Napoleon” u mbagħad għal “Gladiator II”, filwaqt li Universal ħadmet “Jurassic World Dominion” u “Jurassic World Rebirth” f’Malta.
Lil hinn mill-ismijiet, iċ-ċifri ekonomiċi qed iħallu impatt qawwi. Studju indipendenti ġdid ipoġġi l-kontribut ta’ din l-industrija lill-ekonomija fuq l-€1.5 biljun.
In-numri huma kbar.

F’dan l-isfond kollu Malta qed tilqa producers u studio executives li qed jaslu minn Londra, Los Angeles, New York, l-Ewropa u kull rokna tad-dinja għal edizzjoni oħra tal-Mediterrane Film Festival.
It-Torċa tkellmet ma’ Johann Grech fuq dan kollhu.
Ħafna jiftakru żmien meta x-xogħol fuq il-films kien jaqbad jirranka għal film imbgħad jieqaf. X’inbidel l-aktar minn dakinhar?
Kienet bidla strutturali u ibbazata fuq ħafna xoghol. Aħna ħadna industrija li kienet staġjonali u għamilniha waħda li taħdem is-sena kollha, b’saħħa ta xogħol li qatt ma rajna qabel. Illum dik il-biża’ li ma jiġix xogħol telqet.
Pero pajjizi ohra qed jaraw x’ghamilna ahna, għax aħna konna innovativi u ambizzjuzi bil-pakkett kompettiv li offrejna u qed jikkompetu magħna b’pakketti simili ħafna. Fil-passat kien hemm minn, b’mod partiġġjan, ikkritika il-pakkett kompettiv taghna. Bla ebda bażi ekonomika, għamel ġudiżżji li illum ġew ippruvati skorretti. Tant hu hekk li qed naraw l-ikbar ekonomiji fid-dinja jirreplikaw li ghamilna.
Dan ifisser li irridu nkomplu naħdmu u nsaħħu x’joffri pajjiżna biex nibqgħu kompettivi. Hemm diversi modi kif wieħed jagħmel dan, mhux mil-lat fiskali biss, imma fuq kollox l-kwalita’ u l-produttivita’.
L-industrija tal-films qed issir pedina importanti fl-ekonomija Maltija, u dan propju ġie ivverifikat bi studju ieħor, mal-ħafna li hemm, fejn jitkellem kif l-produzzjonijiet tal-films f’pajjiżna saru jħallu riżultat mill-aqwa għal ekonomija.
X’jgħid l-istudju?
L-istudju nkiteb mill-Kap Uffiċjal għall-Ekonomija fil-Bank Ċentrali ta’ Malta Dr Aaron G. Grech, u juża mudell ekonomiku biex ikejjel x’ġara minn meta bdilna r-rotta fl-2018. Il-konklużjoni ewlenija hi waħda… li minn meta issaħħu l-incentivi, l-industrija ġġenerat aktar minn €1.2 biljun f’valur miżjud gross għall-ekonomija Maltija.
Bejn l-2005 u l-2017 il-kontribut tal-industrija kien jdur madwar 0.28% tal-ekonomija. Minn l-2018 ’l hawn dik il-medja telgħet għal 0.83%, u kompliet titla’ sena wara sena sakemm laħqet 2.16% fl-2023, is-sena ta’ Gladiator II, meta kważi wieħed minn kull ħamsa mit-tkabbir ekonomiku kollu f’Malta ġie mill-films. Filli industirja minsija, filli saret mutur ekonomiku. U wara 2023 b’saħħtu ma waqajniex lura. Ir-rapport isib li l-impatt stabbilizza għal ftit aktar minn 1% tal-PGD fl-2024 u fl-2025. Dan ifisser li l-industrija saret parti soda tal-ekonomija.

Imkejjel kull sena, il-kontribut tela’ minn madwar €30 miljun fis-sena qabel l-2018 għal €173 miljun fis-sena minn dakinhar ’l hawn. Kważi sitt darbiet aktar. Dawn mhux semplicement ċifri fuq karta. Imma dawn huma jobs ghan-nies, bejgħ fil-ħwienet, xogħol għal kumpaniji tal-logistika, tat-trasport, tal-manifattura tal-ikel u jfissru kmamar mimlija fil-lukandi matul is-sena kollha. Ir-rizultati fuq il-karta qedin, imma fuq kollox jinħassu minn min jaħdem f’dan il-qasam; flus fil-but għall-Maltin u l-Għawdxin.
Kien hemm min tefa dubju fuqek u fuq il-ġid li toħloq l-industrija tal-films. Issa dan il-progress ma jista jmeriħ hadd.
Nahseb il-Malta Film Commission l-iktar entita li ipproduċiet evidenza għal ġid li toħloq, u dawn in-numri u rapporti ivverifikahom anke l-Awditur Ġenerali (NAO) fejn tana endorsement għal mod kif nagħmlu l-marketing, li jinkludi l-Mediterrane Film Festival, u endorsement tan-numri li l-cash rebate titfa lura fl-ekonomija. Dokumenti ekonomiċi kollha għaddejnihom lil media matul is-snin, kollox kien bl-iktar mod trasparenti. Naħseb illum kulhadd jaċċetta li ir-rizultati jitkellmu waħidhom. Fuq li għidtli, jiena ma nħarisx lura. Jiena dejjem inhares ‘l quddiem.
Semmejt il-crew members, dawk li jaħdmu fil-films. Żdiedu l-ħaddiema f’dan il-qasam?
Bejn l-2005 u l-2017, l-attività tal-films kienet issostni medja ta’ madwar 500 impjieg full-time fis-sena. Minn l-2018 ’l hawn dik iċ-ċifra zdiedet b’ħames darbiet, għal madwar 2,500 fis-sena, u laħqet quċċata ta’ 6,500 fl-2023. Fil-perjodu kollu bejn l-2018 u l-2025, l-industrija żammet madwar 20,000 impjieg b’kollox, fl-ospitalit’, il-bejgħ, it-trasport, s-sengħa kreattiva u setturi oħra.
U fil-qalba ta’ dan kollu, il-bażi tal-crew Maltija kibret minn madwar 300 ħaddiema fil-films għal aktar minn 1,800, il-biċċa l-kbira minnhom issa jaħdmu b’mod kontinwu. Mhux xogħol ta’ ġimagħtejn imbgħad jiefqu għal zmien twil. Illum il-maġġoranza qed jaħdmu is-sena kollha u qed ikollhom opportunita’ għall-karriera fil-films.
Biex iġġib żgħażagħ Maltin lejn dan il-qasam mhux faċli. Kompetizzjoni hija qawwija bejn industriji differenti. X’qed toffri differenti?
Kull min jidħol fl-industrija tal-films jgħidlek li ma jimmaġinax jaħdem xogħol ieħor. Ghax huwa qasam fejn ix-xogħol huwa sabiħ, differenti u kreattiv. Demanding ħafna u trid tkun persuna dedikata biex taħdem f’dan il-qasam. Ħinijiet huma twal u irid ikollok passjoni. Imma liema industrija tista tara xogħolok fuq film jew serje li tkun segwita minn miljuni kbar ta’ nies madwar in-nies?
Naghtik ezempju. It-tieni Gladiator rajna dik l-arkittetura Rumana meraviljuża u kulħadd baqa affaxxinat bil-kwalità tad-disinn u tal-bini. Dik ħarġet minn id il-Maltin u l-Ghawdxin. Jiġifieri meta tahdem fil-films tista tara ir-riżultat tax-xogħol tiegħek jidħol fl-istorja, segwita mid-dinja kollha. Dan jaghtik sodisfazzjon kbir, sens ta’ apprezzament u kburija. Meta ftaħna is-sett ta’ Gladiator għal pubbliku rajt ħafna ħaddiema li ġabu lit-tfal żgħar tagħhom jaraw ix-xogħol tagħhom u tinduna kemm din hija industrija li tħalli impatt fil-ħajja tan-nies. Meta organizzajna ‘Gurnata ma’ tal-films’, ġew iktar minn 33,000 Maltin u Għawdxin.
Fuq kollox iżda in-nies iridu garanziji. Dak li għamilna ġab prevedibilità tax-xogħol u offrejna toroq ta’ taħriġ u upskilling u issa qed inkomplu insaħħu biex iż-żgħażagħ jew min irid jibdel il-karriera jara industrija li tippreparak professjonalment u toffrilek xogħol stabbli minflok waħda staġjonali. Kollox jiddependi mill-kwalità: il-kwalità ġġib il-valur, u l-valur iġib il-progress.
Irridu n-numri tal-crew jibqgħu jitilgħu, imma b’mod sostenibbli. Permezz tal-pjattaforma ‘Opportunity For All’ qed nibnu l-ħiliet, l-esperjenza u standards professjonali għoljin.
Il-prijorità għalina huwa it-tkabbir li iżomm lil Maltin kompettitivi u mfittxija; li jkollhom l-opportunita’ għal karriera fil-films.
Issa rajna l-ewwel ritratti tal-progett ambizzjuż li l-Malta Film Commission qed tħares lejh: il-Land-Sea Super Stage. X’inhu eżattament, u b’liema mod hu l-ewwel wieħed fid-dinja?
The Land-Sea Super Stage hu ċ-ċentru tal-masterplan għall-Malta Film Studios fil-Kalkara, u se jkun l-ewwel faċilità tax-xorta tagħha fid-dinja. Huwa sound stage maħsub apposta biex iwassal ambjenti tal-art u tal-baħar flimkien, fuq skala kbira u f’kundizzjonijiet ikkontrollati, fuq l-istess kosta fejn it-tankijiet tal-ilma servew ta’ kull oċean fil-films.
Aħna ma għandniex il-massa ta’ art ta’ pajjiżi oħra. Allura kellna nsibu dak li jagħmilna uniċi, dak li jkabbar il-kwalitajiet tagħna minflok jipprova jikkopja l-volum ta’ ħaddieħor bil-ftit art li hemm. Ħadna dawk il-vantaġġi naturali u qlibniehom f’viżjoni: faċilità ta’ klassi dinjija.
Ghalhekk iktar kmieni ghidt mhux kwistjoni biss ta’ inċentivi fiskali. Dawn tajbin, insaħħuhom imma issa irridu niehdu l-pass li jmiss. Irridu inħarsu lejn il-kwalità u lejn l-produttività tal-ħaddiema Maltin kif ukoll il-kompetittività mibnija fuq l-infrastruttura tal-ghola livell.
Dan il-Land-Sea Super Stage huwa l-component ewlieni tal-Master Plan?
Is-Super Stage mhuwiex proġett waħdu, imma parti minn programm ta’ investiment fit-tul biex inġeddu u nkabbru l-istudios ta’ pajjiżna. Qedin f’fażi avvanzata ta’ kif se jitwettaq u kif se jiġi ffinanzjat, u qed naraw li jkun f’fażijiet, biex il-kapaċità tiżdied b’mod sostennibli.
Fuq in-naħa teknika, id-disinn ġie msawwar bl-għajnuna ta’ esperti internazzjonali ewlenin b’esperjenza kbira fil-bini ta’ sound studios u produzzjonijiet kbar. Għexieren ta’ snin ilu, ta’ qabilna bnew l-ewwel u l-ikbar tankijiet tal-ilma fid-dinja, u aħna ħsadna l-frott tal-viżjoni tagħhom. Issa wasal iż-żmien li nestendu dak l-impenn, biex il-ġenerazzjonijiet futuri jsibu l-infrastruttura li jeħtieġu.
Il-Mediterrane Film Festival sar appuntament fiss f’Ġunju. Kif jinkwadra l-festival mal-investiment barrani fl-industrija tal-films f’Malta?
Hawn ukoll għażilna nagħmlu l-affarijiet b’mod differenti. Fejn ħafna pajjiżi oħra jonfqu għexieren ta’ miljuni fuq paviljuni u swali tal-ospitalità f’festivals madwar id-dinja bħal Cannes, Berlin u Toronto, aħna qlibna l-affarijiet u bnejna l-festival tagħna. Lil hinn miċ-ċelebrazzjoni tal-films, li hija importanti, jien nara l-festival bħala pjattaforma ta’ marketing li jattira l-investiment barrani lejn pajjiżna. Dak jiġġustifika in-nefqa, għax dak jipprova return on investment qawwi. L-istess nies li nilqgħu fostna se ssib min diġa ħadem films hawn u qed iħares lejn proġetti ġodda jew minn ġej l-ewwel darba u interessat jifhem iżjed il-prodott Malti.
Inġibu produtturi, eżekuttivi tal-istudios, financiers, location scouts u decision-makers f’pajjiżna mhux biss biex jitkellmu fuq xogħol futur, imma biex jaraw b’għajnejhom x’għandu x’joffri l-pajjiż… is-sbuħija tal-arkitettura tagħna, il-crews u l-infrastruttura. Malta tista’ tkun żgħira, imma kapaċi toffri valur addizzjonali f’kull ma tagħmel.
Il-pjan tagħna qed taħdem u ir-riżultati qed jarhom kulħadd.

