Sunday, November 3, 2024

French Open: Cilic u Rublev jgħaddu għas-semifinali

Aqra wkoll

Il-Kroat Marin Cilic rebaħ f’tiebreak fil-ħames set kontra s-seba’ seed, ir-Russu Andrey Rublev biex għadda għall-ewwel semifinali tiegħu tal-French Open li qed isir f’Roland Garros, Pariġi.

Huwa se jiltaqa’ kontra n-Norveġiż Casper Ruud li min-naħa tie­għu rebaħ il-konfront kollu Skandinav meta elimina lid-Daniż Holger Rune f’erba’ sets.

Cilic, issidjat fl-20 post, rebaħ 5-7 6-3 6-4 3-6 7-6 (10-2) f’partita ta’ erba’ sigħat attraenti fuq il-Court Phi­lippe Chatrier.

Huwa fajjar 33 aces u 88 shots rebbieħa biex rebaħ konfront ta’ shots b’saħħithom f’Pariġi.

Cilic, champion tal-US Open 2014, li għandu 33 sena, isir biss il-ħames player attiv tal-irġiel li wasal sas-semifinali tal-erba’ tournaments tal-Grand Slam.

It-tiebreak tal-ħames set deher tmiem xieraq għal battalja ta’ erba’ sigħat u 10 minuti ferm missielta fejn kien Cilic li qam għall-okkażjoni.

In-numru 23 tad-dinja għalaq il-partita billi rebaħ disa’ punti konsekuttivi meta ġie lura minn 2-1 minn taħt fit-tiebreak ta’ 10 punti biex assigura l-ewwel semifinali kbira tiegħu f’erba’ snin.

Rublev kien baqa’ ħaj minn match point fuq is-service tiegħu stess meta kien 5-4 minn taħt fil-ħames set, qabel ma rnexxielu jikkonverti break point fil-logħba ta’ wara, u l-istennija tiegħu għall-ewwel semifinali ta’ Grand Slam se tkompli.

Iż-żewġ Skandinavi nvoluti fis- sessjoni ta’ filgħaxija kienu għamlu l-istorja qabel ma bdiet il-partita – Rune bħala l-ewwel Daniż li wasal sal-kwarti-finali ta’ dan l-Open, u Ruud bħala l-ewwel Norveġiż li lagħab fl-aħħar tmienja ta’ kwalun­kwe Grand Slam.

Ruud iddomina l-ewwel set, rebaħ il-ħames logħbiet tal-ftuħ qabel għalaq 6-1 u meta kiser is-serve ta’ Rune fil-ħames logħba tat-tieni set, deher li kien traffiku fuq naħa waħda.

Iżda ż-żagħżugħ mill-ewwel irrisponda bl-ewwel service break tiegħu tal-partita u mbagħad, f’5-4 minn fuq, kiser lil Ruud biex ippa­reġġa b’set kull wieħed.

Il-koppja ma setgħetx tiġi separata fit-tielet set sakemm Ruud lagħab tiebreak prattikament bla difetti biex reġa’ ħa l-vantaġġ, u huwa ta­lab il-break kruċjali ta’ 4-3 minn fuq fir-raba’ set qabel serva għall-partita.

L-ebda player maskili ma rebaħ aktar logħbiet (64), laħaq aktar finali (8) jew rebaħ aktar titli (7) fuq it-tafal minn Ruud mill-bidu tal-istaġun 2020 iżda kien imbuttat sal-limitu għal perjodi twal minn Rune.

It-tentattiv ta’ Rune biex isir l-ewwel semifinalista adoloxxenti tal-French Open minn Nadal fl-2005 ma rnexxiex iżda hu se jħares lura bi pjaċir lejn id-debutt tiegħu f’Pa­riġi wara li elimina lis-seeds Stefanos Tsitsipas u Denis Shapovalov.

L-adoloxxenti Amerikana Coco Gauff laħqet l-ewwel finali tagħha ta’ Grand Slam b’rebħa fl-aħħar erbgħa, u b’hekk stabbiliet laqgħa mqanqla man-numru wieħed tad- dinja, Iga Swiatek.

Gauff, 18-il sena, rebħet 6-3 6-1 kontra t-Taljana mhux issidjata Mar­tina Trevisan fuq it-tafal ta’ Pariġi fl-ewwel semifinali maġġura tagħha.

Swiatek, 21 sena, temmet vjaġġ seren fil-finali ta’ Roland Garros b’rebħa ta’ 6-2 6-1 fuq l-20 seed, Daria Kasatkina.

Il-Pollakka kisbet l-34 rebħa konsekuttiva biex għaddiet għat-tieni finali maġġuri tagħha.

Swiatek, iċ-champion f’Roland Garros 2020, waqqgħet set wieħed biss f’dawn il-ħmistax fuq it-tafal ta’ Pariġi.

Gauff, mit-18-il post, kienet il-favorita kontra Trevisan u issa saret l-iżgħar finalista f’Roland Garros minn Kim Clijsters fl-2001.

Minn Serena Williams fl-aqwa tagħha ma kienx hemm favorita daqstant qawwija għal titlu ta’ Grand Slam tan-nisa tas-singles daqs Swiatek.

F’bidu mill-isbaħ tal-2022, il-Pollakka rebħet ħames tournaments konsekuttivi – f’Doha, Indian Wells, Miami, Stuttgart u Ruma – u ħadet f’idejha n-numru wieħed tad-dinja tal-WTA wara l-irtirar sorpriża ta’ Ashleigh Barty.

Sport