Monday, May 13, 2024

French Open: Illum il-finali bejn Nadal u Ruud

Aqra wkoll

Wara l-isfortuna li messet lill-Ġermaniż Alexander Zverev fl-ewwel semi-fimali tal-irġiel li weġġa’ siequ u kellu jirtira meta l-iskor kontra Rafael Nadal kien 7-6 (10-8) 6-6 favur l-Ispanjol, fit-tieni waħda li ntemmet tard nhar il-Ġimgħa fil-għaxija, Casper Ruud kiteb l-istorja għalih u għall-pajjiżu.

Ruud irkupra minn set minn taħt biex għeleb lil Marin Cilic tal-Kroazja u wasal għall-ewwel finali tiegħu tal-Grand Slam.

Dan meta s-seed numru 8, Ruud, sar l-ewwel Norveġiż li għadda għall- finali, b’rebħa 3-6 6-4 6-2 6-2 kontra ċ-champion tal-US Open tal-2014, Ci­lic, 33 sena.

Fis-sitt game tat-tielet set, b’Ruud 4-1 fil-vantaġġ, kien hemm dewmien ta’ 15-il minuta wara li dimostranta daħlet fil-Court Philippe Chatrier u ntrabtet max-xibka.

Meta l-logħba tkompliet, Ruud, 23 sena, temm it-tielet set u mbagħad kiser is-service ta’ Cilic fl-ewwel opportunità disponibbli fir-raba’ fi triqtu lejn ir-rebħa biex waqqaf konfront ma’ Nadal.

Il-finali tibda fit-3.00 pm.

Sport