Sunday, December 22, 2024

French Open: Medvedev, Sinner, Djokovic u Zverev ikomplu għaddejjin

Aqra wkoll

Erbgħa mill-ismijiet kbar mill- kategorija tal-irġiel, Novak Djo­kovic, Daniil Medvedev, Jannik Sinner u Alexander Zverev, kollha għaddew għat-tielet round tal-French Open li qed isir f’Pariġi f’ġurnata oħra li ġiet imħarbta mix-xita f’Pariġi.

In-numru wieħed tad-dinja, Djokovic, kien f’burdata aħjar mill-ewwel round meta ftit li xejn ta ċans lil-Ispanjol, Roberto Carbellas Baena, meta għelbu 6-4 6-1 6-2.

Ir-Russu Medvedev kellu triq iktar faċli meta għeleb lis-Serb, Miomar  Kecmanovic li rtira meta l-iskor kien 6-1 5-0.

Medvedev, 28 sena, li l-aqwa prestazzjoni tiegħu fil-French Open kienet mixja għall-kwarti-finali tal-2021, kien laqat 26 shots rebbieħa u sitt żbalji mhux sfurzati biss f’wirja impressjonanti kontra l-avversarju tiegħu li jinsab fis-57 post tar-rankings.

It-Taljan Sinner warrab l-isfida tal-veteran Franċiż, Richard Gas­quet, meta għelbu fi tliet sets, 6-4 6-2 6-4.

Min-naħa tal-Ġermaniż Zverev huwa elimina lill-Belġjan, David Goffin, li wara li rebaħ l-ewwel set b’tiebreak it-tnejn l-oħra kienu taħt idejh mill-bidu sat-tmien biex rebaħ 7-6 (7-4) 6-2 6-2.

Hubert Hurkacz tilef l-ewwel set kontra l-Amerikan, Brandon Naki­shima, iżda wara li kien kmand tat-tnejn ta’ wara huwa rebaħ ir-raba’ set b’tiebreak missielet u l-logħba, 6-7 (2-7) 6-1 6-3 7-6 (7-5). 

Il-veteran Svizzeru, Stan Wawrinka, kellu jbaxxi rasu kontra r-Russu, Pavel Kotov, li għelbu f’erba’ sets, l-ewwel u l-aħħar wieħed b’tiebreaks. Kotov rebaħ b’dawn il-punteġġi, 7-6 (7-3) 6-4 1-6 7-6 (7-5).

It-Taljan Matteo Arnaldi ma tantx kellu diffikultá biex jegħleb lill-Franċiż, Alexandre Muller, 6-4 6-1 6-3, waqt li l-Amerikan Sebastian Korda ħa erba’ sets biex elimina lil Kwon Soo-woo tal-Korea t’Isfel, 6-4 6-4 1-6 6-3.

Rebħa oħra kisibha l-Belġjan, Zizou Bergs, li wara li tilef l-ewwel set kontra Maximilian Marterer tal-Ġermanja huwa rebaħ 3-6 6-3 6-1 6-3.

IGA SWIATEK TEGĦLEB LIL NAOMI OSAKA

Iċ-champion renjanti, Iga Swia­tek, salvat match point qabel għelbet lil Naomi Osaka biex evitat l-iktar ħruġ kmieni minn dan l-Open tal-karriera tagħha f’logħba pjaċevoli tat-tieni round.

Il-Pollakka ta’ 22 sena, li qed tagħmel tentattiv għat-tielet titlu konsekuttiv, issieltet lura biex reb­ħet 7-6 (7-1) 1-6 7-5.

L-eks numru wieħed tad-dinja, il-Ġappuniża, Osaka, reġgħet lura għall-isport erba’ xhur ilu biss wara li welldet lil bintha Shai u fil-passat tħabtet fuq it-tafal.

Madankollu, iż-żagħżugħa ta’ 26 sena mbuttat lill-aqwa seed Swiatek fit-triq kollha f’laqgħa assorbenti taħt is-saqaf tal-Philippe Chatrier Court – iżda ħallset il-prezz talli ma kkonvertitx iċ-ċansijiet tagħha.

Is-seed numru 2, il-Belarussa Ayr­na Sabalenka, kompliet għaddejja fit-triq it-tajba meta warrbet l-isfida taċ-Ċiniża Moyuka Uchijima, bil- punteġġ ta’ 6-2 6-2. B’hekk qed turi li hija fost il-favoriti li tirbaħ it-titlu Franċiż għall-ewwel darba.

L-Amerikana Coco Gauff kellha rebħa komda wkoll bl-iskor ta’ 6-3 6-4 kontra s-Slovena, Tamara Zi­dansek, b’rebħiet oħra jiġu miksuba mir-Russa, Anastasia Potapova u mill-Ukrena, Dayana Yastremska.

Potapova eliminat lill-Isvizzera, Viktorija Golubic, 6-2 6-2, waqt li Yastremska għelbet liċ-Ċiniża Yafan Wang 6-2 6-0.

Il-mara tal-Franċiż, Gael Montils, li kien fl-azzjoni aktar tard filgħaxija. Elina Svitolina tal-Ukrajna, għelbet lill-Franċiża, Diane Parry, 6-4 7-6 (7-3).

Ekonomija

Sport