Bejn Novembru tas-sena li għaddiet u l-15 ta’ Novembru ta’ din is-sena tressqu 32 persuna l-Qorti b’rabta ma’ mużika għolja fil-Belt Valletta.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanz Byron Camilleri qal dan fil-Parlament meta kien qiegħed iwieġeb mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.
Il-Ministru Camilleri qal li l-Pulizija ressqu dawn il-persuni wara li nstabu li fil-ħwienet kummerċjali tagħhom fil-Belt Valletta, qabżu l-livelli permissibbli ta’ daqq ta’ mużika.
Fuq mistoqsija oħra tad-Deputat Carabott dwar x’azzjoni qiegħda tittieħed mill-Pulizija sabiex tassigura li l-livelli ta’ daqq ta’ mużika qiegħda tirrispetta livelli kif għandhom ikunu fil-Belt Valletta, il-Ministru Camilleri qal li “ninsab infurmat li l-Pulizija tagħmel diversi rondi fil-Belt Valletta inkluż fiż-żoni fejn hemm stabilimenti kummerċjali li fihom hemm daqq ta’ mużika. Il-Pulizija taġixxi u timxi skond il-provedimenti tal-liġi u skond l-evidenza disponibbli, u jinħarġu akkużi kontra min jikkaġuna l-inkonvenjent, meta jkun il-każ.”