Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ħabbar li mit-13 ta’ Settembru persuni b’immunità kompromessa u l-anzjani li jgħixu f’residenzi se jkunu eleġibbli biex jieħdu booster tat-tilqima kontra l-Covid-19. Min-nofs ix-xahar id-dieħel, permezz ta’ ittra bil-posta, persuni vulnerabbli li s-sistema immunitarja tagħhom ma tipproduċix biżżejjed reiżistenza, se jkunu mistienda biex fil-ġimgħat ta’ wara jmorru fil-klinika apposta li tellgħet fl-Università ta’ Malta ħalli jingħataw aktar protezzjoni permezz ta’ booster.
Fearne qal li dan is-servizz għall-anzjani li jgħixu f’komunitajiet magħluqa f’residenzi se jingħata fil-post li jgħixu fih direttament. Huwa qal li ċ-ċertifikat tal-vaċċin se jibqa’ fuq iż-żewġ dożi u f’dan l-istadju, min ħa t-tilqima kompluta jista’ juża ċ-ċertifikat. Id-doża tal-booster m’hiex inkluża fuq iċ-ċertifikat u għaldaqstant dawk li jirċievu l-invit tal-booster u jagħżlu li ma jieħdux, xorta waħda jinħarġilhom iċ-ċertifikat.
Il-Ministru Fearne qal li wara l-awtoritajiet tas-saħħa se jevalwaw jekk ikunx meħtieġ li jingħata booster ukoll lil xi sezzjonijiet oħra tal-popolazzjoni. Rigward dan huwa qal li se jħabbru aktar dettalji ’il quddiem.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-pandemija globali tal-Covid-19 tinsab fl-agħar tagħha kemm ilha li bdiet u dan minħabba li l-varjant Delta fejn spjega li, “dan qiegħed iħalli ħerba sħiħa b’mod speċjali f’pajjiżi fejn ir-rata tat-tilqim hija baxxa. Malta kisret rekord mondjali assolut fejn ilħaqna 90% tal-persuni eliġibbli għat-tilqima, imlaqqmin kompletament”. Huwa qal li dan is-suċċess inkiseb grazzi għall-koperazzjoni kbira mill-pubbliku nnifsu, kif ukoll mill-ħaddiema fis-servizzi tas-saħħa li ħadmu qatigħ biex jintlaħaq dan l-ammont.
Fearne ta aġġornament dwar is-sitwazzjoni preżenti fl-isptar Mater Dei fejn qal li n-numru tal-pazjenti bħalissa huwa ta’ 37 persuna bi tnejn minnhom fl-ITU. “Is-sitwazzjoni fl-isptar baqgħet waħda stabbli u s-sitwazzjoni f’pajjiżna hija taħt kontroll,” assigura l-Ministru tas-Saħħa.
Huwa qal li 89% tal-każijiet kritiċi tal-Covid huma persuni li m’humiex imlaqqma u dan juri kemm it-tilqima tagħti protezzjoni qawwija kontra l-mard u komplikazzjonijiet serji li jista’ jikkawża l-virus. Rigward l-inizjattiva tal-walk in clinics Fearne qal li dawn kienu ta’ suċċess għax permezz tagħhom 60,000 persuna li kien għadhom ma rnexxielhomx jieħdu t-tilqima, inqdew b’dan il-mod.
Fi tmiem l-intervent tiegħu l-Ministru Fearne ħabbar li ladarba għandna daqshekk nies imlaqqmin, se jitnaqqsu xi miżuri ta’ mitigazzjoni. Dawn huma:
- Fit-30 ta’ dan ix-xahar huwa kkonferma li n-numru permissibbli ta’ persuni li jattendu l-avvenimenti tal-massa minn 300 se jitla’ għal 500; u
- Mis-6 ta’ Settembru, b’mod limitat, jistgħu jibdew isiru avvenimenti bil-wieqfa ta’ mhux aktar minn 100 ruħ u dwar dan se jingħataw aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin.