Nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru l-Għaqda tan-Nar 20 ta’ Lulju Ta’ Sannat tellgħet konferenza bit-titlu ‘Feasts Heritage Preservation Initiative’.
Ir-raħal ta’ Sannat għandu tradizzjoni kbira tal-logħob tan-nar u din il-konferenza ġabbret diversi membri tal-għaqda li flimkien ma’ esperti oħra ppreżentaw informazzjoni dwar l-piroteknika u ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa li jsiru fir-raħal Ta’ Sannat.
Din il-laqgħa kienet miftuħa għall-pubbliku u għal kull min għandu għal qalbu l-festi Maltin. Il-President tal-Għaqda, Josiah Buttigieg, tkellem dwar l-istorja tal-għaqda u l-ġibda u l-passjoni lejn in-nar li r-raħal Ta’ Sannat minn dejjem kellu w li skont xi riċerki tmur lura għal 1749.
Dan is-suġġett daħal fih ukoll Mons. Lawrenz Sciberras li tkellem dwar dak li jiftakar fi tfulitu dwar il-piroteknika fil-festa ta’ Santa Margerita fir-raħal ta’ Sannat. Tkellem kif fil-bidu l-logħob tan-nar kien jikkonsisti minn tiri u ftit irdieden tal-ġigifogu.
Kelliema oħra kienu Joe Mifsud li ta tagħrif dwar il-kult tal-qaddiesa Santa Margerita fil-gżejjer Maltin filwaqt li s-Sindku Philip Vella, tkellem dwar il-bżonn u l-importanza tal-għaqdiet volontarji biex jikber il-ġid komuni fil-komunitajiet u kif ukoll biex jgħinu fl-iżvilupp tal-individwi.
George Luke Borg tkellem fid-dettall dwar is-sistema tal-ħruq tal-logħob tan-nar, jiġifieri dik is-sistema li tintuża biex jiġu maħruqa murtali, blalen, nar tal-art u speċjalment dawk l- spettakli li jkunu sinkronizzati mal-mużika; u Adeodato Spiteri, f’isem id-dipartiment tal-protezzjoni ċivili ppreżenta informazzjoni dwar is-sigurta u l-prekawzjonijiet waqt il-manifattura, l-ġarr u l-ħruq tal-logħob tan-nar. Il-konferenza, l-ewwel tan-natura tagħha, ġiet fi tmiemha b’diskussjoni bejn erbgħa esperti li kollha għandhom il-liċenzja A, jiġifieri l-ogħla tip ta’ liċenzja li wieħed jista’ jkollu f’dan il-qasam.
Ħadu sehem f’din id-diskussjoni Joe Bajada, Jason Mifusd, Ġużepp Buttigieg u Jesmond Pace membru minn Lourdes Fireworks Group Qrendi u flimkien iddiskutew is-suġett tal-manifattura tal-logħob tan-nar.