Monday, April 29, 2024

Ftehim bejn il-WSC u l-MCAST biex studenti jitrawmu aktar fil-qasam tal-ilma

Aqra wkoll

Ftehim iffirmat bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-WSC, u l-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, ser ikompli jassigura kollaborazzjoni akbar bejniethom għat-tliet snin li ġejjin biex aktar studenti jkollhom l-opportunità jibdew karriera fil-qasam tal-ilma.

Permezz tal-ftehim, li ġġedded għat-tliet snin li ġejjin, studenti tal-MCAST se jkollhom l-opportunità li jagħmlu użu mill-faċilitajiet tal-Korporazzjoni biex jitgħallmu fil-prattika dwar il-qasam tal-ilma.

Din il-kollaborazzjoni ilha għaddejja għall-aħħar ħames snin u kompliet tikber tul dawn l-aħħar xhur. Dan kien possibbli permezz ta’ proġett pilota li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma daħlet għalih permezz tal-programm Erasmus+. B’din l-inizjattiva, studenti Maltin u Għawdxin kellhom l-opportunità li jivvjaġġaw barra minn Malta biex jesperjenzaw kif il-qasam tal-ilma huwa mmaniġġjat fl-Olanda.

Tul dan il-proġett pilota studenti madwar l-Ewropa, inklużi studenti Maltin, kellhom ukoll l-opportunità li jitħarrġu f’kompetenzi u ħiliet vokazzjonali. B’dan il-mod it-teknoloġija u l-innovazzjoni f’dan il-qasam tkompli tissaħħaħ, u għalhekk tgħin biex toffri soluzzjonijiet għal ħtiġijiet ġodda fil-qasam tal-ilma.

Meta ġie ffirmat il-ftehim, il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli spjegat kif  grazzi għal dan il-ftehim qed jiġu identifikati ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol eżistenti, filwaqt li jiġu promossi s-sinerġija u kooperazzjoni.

“Dan il-proġett qed isostni riżorsa ferm importanti għal pajjiżna. Permezz ta’ dan il-proġett, professjonisti se jrawmu diversi studenti li jaspiraw li jibnu karriera f’dan il-qasam, esperjenza li tista’ twassalhom għall-impjieg f’dan is-settur. Għalhekk, dan il-ftehim qed jikkontribwixxi biex jiżdied iktar għarfien fost l-istudenti u għalhekk ikollna ideat innovattivi biex insaħħu s-sostenibbiltà f’dan il-qasam ukoll”, qalet il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana faħħret dawn l-inizjattivi u l-kollaborazzjoni li ilha għaddejja s-snin bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-MCAST.

“Aħna ninkoraġġixxu mhux biss dawn l-inizjattivi, imma wkoll il-kollaborazzjoni u s-sinerġiji bejn ministeri u l-entitajiet tagħhom, kif ukoll ftehimiet li jsiru mas-settur privat biex naraw lill-istudenti tagħna jieħdu esperjenza fil-prattika dwar dak li jkunu qed jitgħallmu fuq il-bankijiet tal-iskola. Lill-istudenti rridu nagħtuhom kull opportunità possibbli biex il-vjaġġ edukattiv tagħhom ikun l-aħjar possibbli li jistgħu jieħdu”.

Sport