It-Taqsima Marittima, Trasport u Avjazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU), flimkien mal-Malta Freeport Terminals Ltd, laħqu ftehim dwar mekkaniżmu ġdid ta’ inċentiv għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Inġinerija, filwaqt li l-Ftehim Kollettiv attwali jibqa’ fis-seħħ sal-2028.
Dan il-ftehim intlaħaq wara xhur ta’ diskussjonijiet kostruttivi bejn iż-żewġ naħat, li wasslu għal mekkaniżmu realistiku u ġust li jagħraf u jirrikonoxxi l-ħidma, id-dedikazzjoni u l-kontribut tal-ħaddiema f’dan id-dipartiment kruċjali.
Il-mekkaniżmu l-ġdid se jidħol fis-seħħ b’effett mill-bidu ta’ din is-sena u, meta mqabbel mal-inċentiv li kien japplika għall-istess perjodu li kien jeżisti qabel, se jwassal għal żieda ta’ aktar minn erba’ darbiet fl-ammont li kienu jirċievu l-ħaddiema.
It-Taqsima Marittima, Trasport u Avjazzjoni tirringrazzja lill-kumitat li jirrappreżenta lill-ħaddiema għad-dedikazzjoni kontinwa tiegħu fil-ħarsien tal-interessi tal-kollegi tiegħu kif ukoll lill-uffiċjali tal-Malta Freeport Terminals Ltd. għall-kollaborazzjoni u l-impenn tagħhom matul il-proċess ta’ negozjar.
Is-Segretarju tat-Taqsima Marittima, Trasport u Avjazzjoni, Jurgen Azzopardi, qal li dan il-ftehim huwa eżempju ċar ta’ dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ djalogu soċjali serju u kostruttiv.
“Dan il-mekkaniżmu jagħti rikonoxximent konkret lill-impenn u l-professjonalità tal-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Inġinerija. Issa nħarsu ’l quddiem biex il-ftehim jiġi implimentat b’mod effettiv u biex il-ħaddiema jirċievu dak li hu dovut lilhom bħala apprezzament għall-kontribut tagħhom lejn is-suċċess tal-kumpanija,” temm jgħid Jurgen Azzopardi.
